Jidher li bdew jidhru x-”xquq” fit-team ta’ Napoli wara d-draw ta’ mingħajr goals kontra Bologna.
Dan stqarru l-captain stess, Giovanni Di Lorenzo, hekk kif qed tikber il-pressjoni fuqhom …. wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Lazio u d-draw ta’ 2-2 kontra Genoa.
Fil-logħba kontra Bologna, Victor Osimhem ġie ssostitwit u deher jikkritika b’mod miftuħ lill-coach, Rudi Garcia, waqt li kien fi triqtu lejn il-bank.
Di Lorenzo jemmen li r-reazzjoni ta’ Victor Osimhen kienet ‘bla bżonn’ u jgħid li se jiddiskuti l-kwistjoni mat-team.
Di Lorenzo wissa lil sieħbu fuq il-mezzi tax-xandir: “Jien naf lilu, naf li huwa konxju li kien żbaljat,” qal il-captain Partenopei.
“Din l-attitudni mhix meħtieġa u rridu nitkellmu bejnietna bil-kalma biex insolvu din il-kwistjoni. Huwa l-ewwel wieħed li jinsab diżappuntat, bħalna lkoll, talli ma rebaħx, imma nerġgħu nibdew.”
Khvicha Kvaratskhelia kellu reazzjoni simili ġimgħa qabel fid-draw ta’ Napoli 2-2 kontra Genoa … u allura dan ifisser li Garcia diġà qed jitlef id-dressing room?
“Ma naħsbux dwar dak li jgħidu nies oħra. Aħna lkoll magħqudin,” sostna Di Lorenzo.
“Naturalment, nafu li mhux sejrin tajjeb fil-kampjonat. Aħna lkoll ffukati fuq dak li rridu ntejbu flimkien, it-team u l-coach. Jien ċert li se nagħmlu prestazzjoni mill-aqwa fil-logħba li jmiss.”
Iċ-champions tas-Serie A jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika tas-Serie A bi tmien punti f’ħames logħbiet. Huma ser jilqgħu lil Udinese fi Stadio Maradona fil-logħba tal-kampjonat li jmiss, nhar l-Erbgħa.