Saturday, January 4, 2025

Jidħlu fis-seħħ iż-żidiet fil-pensjonijiet u benefiċċji oħra

Aqra wkoll

L-ewwel ġranet ta’ Jannar bdew biż-żidiet fil-pensjonijiet u b’rati ġodda skont kif imħabbra fil-Budget għal din is-sena. Iż-żidiet huma ta’ €8 fil-ġimgħa jew €416 fis-sena biex b’hekk f’dawn l-ewwel jiem tas-sena, il-Gvern ser ikun investa mas-€87 miljun f’pensjonijiet u benefiċċji li minnhom qed jibbenefikaw 119,000 benefiċjarju.

Iż-żidiet konsekuttivi fil-pensjonijiet wasslu sabiex fl-aħħar 10 snin il-pensjonanti żdiedu b’aktar minn €70 fil-ġimgħa.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa filgħodu, mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon fejn saħaq illi l-pensjonanti kollha ser ikunu gawdew minn żieda ta’ 83% fuq in-nefqa fl-2013.

“Dan it-tkabbir fin-nefqa soċjali jirrifletti kemm dan il-Gvern mhux biss iħaddan valuri ta’ ġustizzja soċjali, iżda jipprattikahom b’mod konkret u ġeneruż, kif urejna tul is-snin bit-twettiq ta’ wens soċjali b’għexieren ta’ liġijiet, benefiċċji u inizjattivi favur il-familji, il-pensjonanti, dawk l-aktar vulnerabbli, persuni b’diżabilità, il-ħaddiema, in-nisa u ż-żgħażagħ,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Permanenti, Mark Musu irrefera wkoll għall-benefiċċji oħra li tħallsu fl-aħħar jiem. Ewlenija fosthom, kien hemm dak li permezz tiegħu 23,377 familja qed jirċievu €3.7 miljuni f’In-Work Benefit għall-aħħar 3 xhur tal-2024.

Dan filwaqt li mas-17,000 persuna qed jirċievu €10 miljuni f’benefiċċji mhux kontributorji diversi li jvarjaw bejn pagamenti ta’ ġimgħa, 4 ġimgħat jew 3 xhur skont il-każ.

Fl-istess waqt komplew jonqsu n-numru ta’ persuni li jiddependu fuq l-assistenzi soċjali tant li niżlu għal 5,226. Dan huwa wkoll l-inqas livell qatt reġistrat jiġifieri tnaqqis ta’ 65.4% minn Diċembru 2013 ’l hawn.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport