Sunday, November 24, 2024

Jidħlu fis-seħħ partijiet sostanzjali mill-Att dwar il-Professjoni tal-Periti u regolamenti li jirregolaw il-professjoni

Aqra wkoll

Permezz ta’ sensiela ta’ Avviżi Legali ippubblikati fl-aħħar jiem fil-Gazzetta tal-Gvern, ġew fis-seħħ diversi partijiet tal-Att tal-2021 dwar il-Professjoni tal-Periti u saru għadd ta’ regolamenti li jirregolaw din il-professjoni. 

B’konsultazzjoni bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kamra tal-Periti ġew stabbiliti regolamenti dwar il-warrants li jingħataw il-periti biex dawn ikunu konformi ma’ dak mitlub mill-Att il-ġdid tal-professjoni tal-periti li qed jidħol fis-seħħ. Dawn ir-regolamenti ġodda issa qegħdin jiggwidaw lil dawk li se jkunu qed jidħlu għall-istudju ta’ din il-professjoni dwar id-distinzjoni ta’ żewġ rotot li wieħed jista’ jaqbad fil-kors tal-istudju, jiġifieri dik ta’ Perit Arkitett jew Perit Inġinier Ċivili. Dawn ir-regolamenti qegħdin jirriflettu wkoll it-tibdil li sar riċentament fil-korsijiet ta’ studju fl-Università ta’ Malta.

Ir-regolamenti ppubblikati jipprovdu l-proċedura li trid tkun adottata meta wieħed japplika għall-warrant u jistabbilixxi l-minimu ta’ suġġetti ewlenin li student irid ikun ikkwalifika fihom biex jew jieħu l-warrant ta’ Perit Arkitett jew dik ta’ Perit Inġinier Ċivili.

Regolamenti ġodda oħra li qegħdin jidħlu fis-seħħ huma dawk li jirregolaw il-ħidma tal-Bord li jagħti l-warrants lill-Periti. Kien hemm konsultazzjoni mal-Kamra tal-Periti biex ġew stabbiliti dawn ir-regolamenti li issa qegħdin jirregolaw il-ħidma ta’ dan il-Bord skont dak li qed jitlob l-Att tal-2021 dwar il-Periti.

Ir-regolamenti qegħdin jelenkaw il-lista ta’ responsabbiltajiet tal-Bord li għandu l-awtorità jaġixxi bħala l-Awtorità kompetenti għall-professjoni tal-Periti. Ir-regolamenti jistabilixxu l-azzjonijiet li l-Bord irid jieħu kull meta jintalab minn awtoritajiet kompetenti oħra fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Aspett importanti ieħor f’dawn ir-regolamenti huwa dak fejn qed jipprovdu għall-proċedura li trid tkun addottata mill-Kamra tal-Periti meta tkun qed torganizza elezzjoni biex jinħatru r-rappreżentanti tagħha fuq il-Bord tal-Warrant tal-Periti.

Fost ir-responsabbiltajiet ġodda tal-Bord tal-Warrant tal-Periti insibu li dan irid iżomm u jippubblika kull sena fil-Gazzetta tal-Gvern u fil-website tiegħu, ir-reġistru ta’ dawk kollha li għandhom warrant ta’ din il-professjoni. Il-Kamra tal-Periti trid tkun mgħarrfa fi żmien ġimgħa bil-ħruġ ta’ kull warrant ġdid u li jivverifika l-kwalifiċi akkademiċi formali ta’ kull applikant għall-warrant.

L-aħħar regolamenti ġodda li ġew ippubblikati jikkonċernaw providementi ta’ natura tranżitorja dwar l-għarfien reċiproku ta’ kwalifiċi ta’ periti minn ċerta pajjiżi skont direttivi li joħorġu minn regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

Sport