Fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru 2022, ġie ppubblikat Avviż Legali dwar il-ġestjoni ta’ siti ta’ kostruzzjoni li fost affarijiet oħra jittrasferixxi għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) – ir-responsabbiltà dwar il-ġestjoni tas-siti ta’ kostruzzjoni, idaħħal regolamenti ġodda dwar il-ħarsien ta’ partijiet terzi għal proġetti li jkunu qed isiru, u jintroduċi standard ġdid dwar il-qisien tal-aperturi għal postijiet residenzjali ġodda.
L-għan ewlieni wara d-dħul tal-Avviż Legali huwa li fost affarijiet oħra, tonqos il-ħsara li ssir lill-ambjent billi jintużaw prattiċi xierqa fil-kostruzzjoni b’mod li jikkawżaw l-inqas inkonvenjent lill-ġirien. Fost affarijiet oħra, ir-regolamenti jistipulaw li kull meta, sa distanza ta’ 10 metri mis-sit tal-kostruzzjoni, issir ħsara f’siti ta’ terzi, l-iżviluppatur irid isewwi u jirrestawra għall-kundizzjoni oriġinali tagħhom dawk il-partijiet tal-binja li tkun saritilhom il-ħsara. Anke meta jkun ippruvat li l-ħsara saret fi proprjetajiet lil hinn mill-10 metri indikati, din trid tiġi rranġata wkoll. Ir-regolamenti għandhom l-għan ukoll li jipproteġu proprjetà li tappartjeni lill-Gvern u lill-kunsilli lokali.
Ir-regolamenti fost l-oħrajn jenfasizzaw li waqt li jkunu għaddejjin proġetti f’siti ta’ kostruzzjoni, materjal tal-bini sfuż bħal ramel, siment, laqx u xaħx għandu jiġi trasportat, depożitat u maħżun fis-sit ġo kontenituri riġidi b’għotjien adegwati jew kontenituri flessibli imma sodi li jistgħu jingħalqu b’mod xieraq. Il-materjal għandu jiflaħ il-piż tal-kontenut, dan biex jiżgura l-għeluq totali ta’ dawk il-materjali f’kull ħin u li għandhom jinżammu magħluqa meta ma jkunux qed jintużaw. Permezz ta’ dan ir-regolament hu maħsub li l-ġirien ma jbatux minn trabijiet u inkonvenjenti oħra waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.
Ir-regolamenti ppubblikati qegħdin jintroduċu l-istandard ġdid dwar il-qisien tal-aperturi li japplika għall-postijiet residenzjali ġodda li se jkunu qed jinbnew fil-Gżejjer Maltin. Dwar dan l-istandard kienet saret konsultazzjoni pubblika mill-BCA f’Novembru li għadda. Id-dokument dwar dan l-istandard issa jinsab fuq is-sit elettroniku tal- Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – https://bca.org.mt/guidance-documents/. Dan id-dokument fih informazzjoni teknika u linji gwida marbuta mal-adozzjoni ta’ standards f’dan ir-rigward. Id-Dokument Tekniku se jkun qed japplika meta tkun ser tinbena apertura ġdida, meta jkun qed jiġi ddisinjat bini ġdid jew meta bini eżistenti jkun qed jiġi modifikat b’żieda ta’ aperturi jew oħrajn li jkunu se jerġgħu jinbnew.
L-Avviż Legali jinkludi wkoll standard ieħor ippubblikat mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li jistabbilixxi regolamenti dwar id-dikostruzzjoni jew xogħlijiet ta’ skavar f’siti ta’ kostruzzjoni u kif għandu jkun ittrattat l-iskart ġej minn dawn ix-xogħlijiet b’tali mod li jsir b’mod ikkontrollat.
L-Avviż Legali jinsab fuq is-sit: https://legislation.mt/eli/ln/2022/340/mlt.