Madwar 56,000 benefiċjarji anzjani din il-ġimgħa qed jirċievu aktar minn €31 miljun f’pagamenti ta’ żewġ benefiċċji soċjali li ġew mtejba b’miżuri tal-Budget 2026.
Il-benefiċċji huma l-Għotja għall-Anzjani fl-età ta’ 75 sena jew akbar u l-Bonus għal dawk il-persuni li mhux intitolati għall-pensjoni kontributorja għax ma kellhomx kontribuzzjonijiet biżżejjed biex jikkwalifikaw. Il-pagamenti jinkludu żidiet fir-rati.
Tul iż-żmien li dawn iż-żewġ benefiċċji ilhom fis-seħħ, il-benefiċjarji tagħhom tħallsu b’kollox aktar minn €226 miljun. Minbarra li globalment żdiedu l-benefiċjarji, speċjalment tal-Għotja għall-Anzjani, f’dawn l-aħħar snin sar titjib sostanzjali fir-rati taż-żewġ benefiċċji.
Iż-żieda fir-rati tal-Għotja għall-Anzjani hija ta’ €75, u issa tlaħħaq €425 fis-sena għal persuni fl-età ta’ bejn 75 u 79 sena u ta’ €525 fis-sena għal dawk fl-età ta’ 80 sena jew aktar.
B’kollox qed jibbenefikaw 42,892 persuna li jgħixu fi djarhom jew mal-qraba jew qed iħallsu minn buthom biex jgħixu fi djar privati tal-kura. B’kollox il-pagamenti jlaħħqu €20.4 miljun, li iżda jkomplu jiżdiedu matul is-sena għaliex aktar persuni jilħqu l-età biex isiru eliġibbli għall-ewwel darba jew għal rata ogħla.
Fil-każ tal-bonus għal dawk il-persuni li mhux intitolati għal pensjoni kontributorja għax ma kellhomx kontribuzzjonijiet biżżejjed biex jikkwalifikaw, iż-żieda hija ta’ €50 fid-disa’ rati differenti li jitħallsu, li issa jvarjaw minn minimu ta’ €600 għal min ħallas sa sena bolol sa €1,050 għal min ħallas sa disa’ snin bolol. Din hija t-tmien darba li r-rati qed jiżdiedu minn meta dan il-bonus beda jingħata fl-2015.
B’kollox 13,119 persuna, l-aktar nisa miżżewġin, qed jirċievu €10.7 miljun. Dan il-bonus jitħallas darba fis-sena, iżda dawk li jilħqu l-età matul is-sena u jikkwalifikaw, l-ammont li jitħallsu jkun pro-rata. Mis-sena ta’ wara jibdew jitħallsu l-ammont sħiħ.
Mill-2022 kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ benefiċjarji ta’ dan il-bonus għaliex bdew jitħallsu l-anqas rata tal-pensjoni wara li bbenefikaw minn miżuri tal-Budget fl-2021 u 2022 li ħadu inkonsiderazzjoni bolol li kellhom imħallsa meta kienu fl-impjieg, anke qabel l-età ta’ 18-il sena.
Dan it-tnaqqis mistenni jkompli matul din is-sena b’riżultat ta’ miżura ġdida li neħħiet il-ħtieġa li persuna tkun qed taħdem biex tħallas kontribuzzjonijiet neqsin sabiex tilħaq il-minimu ta’ 10 snin bolol biex tikkwalifika għal pensjoni. Għal dan il-għan twaqqaf kumitat apposta fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jifli l-applikazzjonijiet li bdew deħlin mill-bidu tas-sena. Sa issa diġà ġew aċċettati madwar 200 applikazzjoni. Din il-miżura mistennija tkun estiża fiż-żmien li ġej.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li dawn il-benefiċċji u t-titjib li sar fihom, huma parti minn katina sħiħa ta’ miżuri li saru fl-aħħar snin u żidiet li ngħataw il-pensjonanti u l-anzjani fl-aħħar snin. Huwa qal li, “Mhux ta’ b’xejn li l-anqas pensjoni li titħallas illum lil min ma jkollux kontribuzzjonijiet neqsin hija aktar mill-ogħla pensjoni li kienet titħallas fl-2013.”
Il-Ministru Falzon temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jkompli jtejjeb il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali għaliex dan huwa wkoll mezz kif titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

