Saturday, October 26, 2024

Jieħdu l-ġurament tal-ħatra l-Kummissarju għall-Istandards u l-Ombudsman

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta George Vella ta l-ġurament tal-ħatra lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon bħala Ombudsman.

F’diskors li għamel wara li nħatar Kummissarju għall-Istandards, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi qal li fis-17-il sena li dam Imħallef ta b’kollox 3,700 sentenza. “Naħseb li din hija t-triq ‘il quddiem. Inwiegħed lil kulħadd li nimxi skont il-ġurament li għadni kif ħadt, kif 20 sena ilu ħadt il-ġurament bħala Imħallef.”
Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, f’diskors li għamel wara li nħatar bħala Ombdusman, qal li din il-kariga ġdida jikkunsidraha bħala sejħa biex iservi lill-pajjiż u jkun ta’ servizz liċ-ċittadini.

“Huwa pass ieħor fil-ħajja tiegħi fejn se nidħol fiż-żarbun ta’ kariga li hija importanti ħafna għall-pajjiż. Il-wegħda li nagħmel mal-poplu Malti u Għawdxi hi li se nkun qed nagħmel xogħli bl-aħjar mod possibbli,” qal l-Imħallef Emeritu Zammit McKeon.

F’indirizz tal-okkażjoni, il-President George Vella enfasizza dwar l-importanza li għandhom dawn iż-żewġ karigi. Meta kien qed jitkellem dwar il-Kummissarju għall-Istandards, il-President filwaqt li nnota din hija istituzzjoni pjuttost ġdida, qal li l-funzjonijiet tagħha diġà għandhom sisien sodi u jgawdu minn apprezzament wiesgħa.

“L-oqsma li se topera fihom bħala Kummissarju huma delikati u sensittivi, għax iqarrbuk mill-viċin lejn ix-xena politika ta’ pajjiżna. Fil-qadi ta’ dmirjietek, se tiddetermina seħħewx atti illegali, abbużi ta’ poter jew ksur ta’ etika, li se jintalbu minnek integrità u indipendenza assoluta u jservu wkoll fuq stħarriġ dettaljat u fattwali.”

“Lil hinn minn każijiet individwali, din il-kariga għandha rwol kruċjali biex tkompli tiżviluppa l-kultura ta’ skrutinju li hemm bżonn tissaħħaħ aktar fostna. Jiena nawgura li x-xogħol fix-xhur u fis-snin li ġejjin ikompli jibni fuq ir-riżultati diġa’ miksuba,” qal il-President.

Huwa tenna wkoll li qegħdin immissu b’idejna sens ta’ apatija u nuqqas ta’ ħeġġa qabel xi ħadd jitħajjar jidħol fil-politika. “Jiena inħoss li minflok tgerrex lil dawk li għandhom intenzjonijiet serji, il-ħidma ta’ skrutinju serja tal-Kummissarju għandha sservi biex isserraħ l-imħuħ u tkun ta’ motivazzjoni. Meta l-parametri kontra kull abbuż ikunu stabbiliti u ċari u l-infurzar ikun ekwu u b’saħħtu, wieħed iħossu aktar li jista’ jaqdi lil pajjiżu fil-qasam politiku mingħajr ebda biża’ u bis-serenità kollha.”

Dwar l-Ombudsman, il-President semma kif tul is-snin meta ġiet fis-seħħ il-liġi tal-Ombudsman fl-1995 kien hemm numru konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet għall-investigazzjonijiet imressqa mill-pubbliku quddiem dan l-uffiċju.

Qal li din fiha nfisha hi turija ta’ kemm il-poplu rabba fiduċja f’din l-istituzzjoni u jħares lejha bħal mezz ta’ rimedju kważi awtomatiku fejn u meta ikun hemm suspett ta’ deċiżjonijiet inġusti u/jew interpretazzjonijiet żbaljata tal-liġi fil-konfront tal-individwu.

Huwa sostna li l-istess fiduċja trid tkompli tissaħħaħ permezz tad-doveri li jaqdi l-Ombudsman, li għandhom ikomplu jitwettqu b’integrità u bi professjonalità. “Permezz ta’ dawn l-iżviluppi pożittivi, kompla jikber u jespandi x-xogħol ta’ dan l-uffiċċju f’oqsma kruċjali bħalma huma dawk tas-saħħa, l-ambjent u l-ippjanar, u l-edukazzjoni. B’mod tanġibbli dan ikompli jqarreb aktar din l-istituzzjoni lejn il-poplu.”

Il-President Vella rrikonoxxa li ħafna drabi jkun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi li mhux dejjem jintgħoġbu minn kulħadd. “Jiena dejjem insostni li meta deċiżjonijiet tqal, iżda neċessarji, jkunu ittieħdu b’awtonomija sħiħa fuq bażi ta’ fatti, riċerka u veriifka, mhux speukulazzjoni, l-istituzzjoni li tkun ħadithom ikollha s-saħħa u s-serenità li tibqa’ tiddefendi l-pożizzjoni tagħha sal-aħħar. L-appelli tiegħi jmorru dejjem lejn il-ħarsien tad-drittijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.”

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.

Sport