Wednesday, April 30, 2025

Jien bdejt nipprattika l-atletika bħala anzjan u xorta sibt is-sodisfazzjon … aħseb u ara meta tkun għadek b’futur itwal quddiemek – John Attard Kingswell

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Ta’ età żgħira qatt ma pprattikajt l-atletika. Fl-iskola, partikolarment meta bdejt nattendi San Alwigi, ipprattikajt il-futbol bħal ħafna tfal oħra, imma ma kontx plejer fl-aqwa livelli. Aktar tard f’ħajti, bħal ħafna, bdejt inrabi familja bil-pressjoni kollha li ġġib magħha, pressjoni tax-xogħol u elf mitt ħaġ’oħra. Issa dawn narahom bħala skużi konvenjenti biex nonqos milli nagħmel xi tip ta’ eżerċizzju sportiv. Madwar disa’ snin ilu, meta l-impenji li semmejt qabel bdew jonqsu u wasalt biex nirtira mix-xogħol, iddeċidejt li nbiddel l-istil ta’ ħajja tiegħi u apparti bdejt inkun aktar attent fuq it-tip ta’ ikel li niekol, imma bdejt pjan ta’ mixi kuljum. Wara ftit bdejt inżid ir-ritmu tal-mixi u għidt allura ma nistax niġri
ftit ukoll.  Minn hemm nista’ ngħid li bdejt id-delizzju tal-ġiri. Darba fost l-oħrajn, il-ħabib kbir tiegħi u kollega fuq ix-xogħol, Euchar Camilleri, ħeġġiġni biex nieħu sehem fl-ewwel tiġrija uffiċjali, dik ta Birkirkara – Fleur de Lys. Għalkemm ma spiċċajtx b’xi ħin eċċezzjonali, izda l-atmosfera għoġbitni u applikajt għal tiġrijiet
oħra. Bdejt nieħu pjaċir nara l-ħin tiegħi jitjieb u minn hemm nista’ ngħid ħadt il-ġiri bis-serjetà. Ftit wara wasslet il-pandemija tal-Covid-19 u bdiet tagħtini rasi għax ma stajtx nipparteċipa fit-tiġrijiet. Iżda veru li fejn hemm il-motivazzjoni ssib tarf ta’ kollox u b’hekk skoprejt tiġrijiet virtwali. Dawn żammewni attiv sakemm reġgħu bdew il-ġirjiet uffiċjali. Issa kważi nipparteċipa f’xi waħda kull nhar
ta’ Ħadd. Is-sena li għaddiet ikkompetejt fi 48 tiġrija differenti madwar Malta u anke tlieta barra minn Malta. Ovvjament, l-imħabba mhix biss għall-ġirja nnifisha, iżda aktar u aktar għax l-atletika tagħtini l-opportunità li nagħmel diversi ħbieb kollha b’għan wieħed, jiġifieri li l-ewwel u qabel kollox nieħdu pjaċir flimkien fid-delizzju li jgħaqqadna.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Kif spejgajtlek jien bdejt l-atletika ta’ etá kbira u għalhekk ma stajt qatt nikseb suċċessi fl-ogħla postijiet fil-kategorija “open”. Iżda tajjeb li ngħid li matul iż-żmien inħoss li l-prestazzjoni tiegħi tjiejbet u kelli diversi suċċessi f’ġirjiet ta’ distanzi fit-tul biex mill-anqas spiċċajt fl-ogħla postijiet fil-kategorija ta’ ‘l fuq minn 60 sena u issa anke ta’ ‘l fuq minn 65 sena. Jekk inkun għadni b’saħħti, tliet snin oħra nidħol fil-kategorija ta’ ‘l fuq minn 70 sena. Il-mira tiegħi hi li nibqa’ għaddej sakemm niflaħ.

Nahseb li dak hu l-aqwa suċċess għalija għax qatt f’ħajti ma kont noħlom li t’anzjan qed nikompeti fil-ġiri mill-aħjar li nista’.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Huwa difficili li nqabbel ma’ kif kienet l-atletika xi snin ilu għax il-kuntatt mal-atletika għalija beda relattivament riċenti. Li nista’ ngħid zgur meta nikkompara l-isport ġenerali bħalissa ma’ dak ta’ meta kont ferm iżgħar, żgur li hemm baħar jaqsam f’dak li huwa livell tal-isportivi u l-preparazżjoni tagħhom. M’għandix dubju li dan jgħodd ukoll għall-atletika. Xorta dejjem hemm ħafna aktar x’wieħed għandu jagħmel u m’għandna qatt inkunu kuntenti bil-livelli preżenti.
Aktar professjonaliżmu jgħin biex ikun hawn dejjem titjib. Fl-opinjoni tiegħi, importanti wkoll il-parteċipazzjoni barra minn xtutna.  L-opportunitajiet qegħdin hemm, issa sta li partikolarment iż-żgħażagħ jeħduhom.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Is-sabiħ tal-ġiri fit-tul, meta tagħmlu bħala delizzju u mhux mod aktar iqarreb lejn il-professjonali, ikun biżżejjed li jkollok toroq tajjbin u siguri biex tiġri fuqhom. Dan jinvolvi ħafna ħin biex tipprattikah, li għalkemm għalija bħala pensjonant mhux daqstant problema biex insib il-ħin, imma min għandu impenji oħra tista’ tkun aktar diffiċli. Għalhekk tajjeb li kull min jista’ jikkontribwixxi biex jagħmillha aktar faċli għall-atleti, għandu jersaq biex jgħin. Waqt il-kompetizzjonijiet, ġiri fit-toroq jinvolvi bla dubju diversi spejjeż inkluż għeluq ta’ toroq u l-ispejjeż relatati ma’ dan. Naħseb li hawn l-awtoritajiet konċernati jistgħu jieħdu ħsieb biex jagħmlu xi ħaġa biex dawn l-ispejjeż jonqsu u b’hekk il-ġiri tagħna jkun aktar sigur u bl-anqas spejjeż possibli.  Daqstant iehor, ikun utli li wieħed isib faċilitajiet mediċi bi prezz sussidjat biex jinkoraġġixxi sportivi jagħmlu testijiet tal-kundizzjoni ta’ saħħithom mill-anqas darba fis-sena.  Smajna b’diversi inċidenti koroh ta’ sportivi ta’ kull etá li jħossuhom ħażin waqt eżerċizzju intensiv. Is-saħħa dejjem għandha tiġi l-ewwel.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Fil-każ tiegħi, il-futur żgur mhux qed narah fit-tul għax nikbru qegħdin. Imma sakemm ikolli s-saħħa nibqa’ nipparteċipa għax apparti li l-eżerċizzju jgħinni fiżikament, iżda nħoss li jgħinni anke psikoloġikament billi nżomm moħħi attiv. Meta jasal iż-żmien li ma nkunx nista’ nipparteċipa aktar imbagħad nipprova, mill-aħjar li nista’, nibqa’ nikkontribwixxi lejn is-suċċess tal-atletika.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Kull bidu iebes imma taqtgħu qalbkom qatt. Jien bdejt nipprattika l-atletika bħala anzjan u xorta sibt is-sodisfazzjon li tagħik l-atletika … aħseb u ara meta tkun għadek b’futur itwal quddiemek. Wara kollox, kull sagrifiċċju jġib miegħu s-suċċess!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport