Tuesday, September 2, 2025

‘Jien dejjem nemmen li meta taħdem sew u tkun reżiljenti għandek ċans li tmur tajjeb f’dak li tkun qed tagħmel, u aħna hekk se nagħmlu’ – Manuel Caruana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet bħal kull tifel dak iż-żmien. Ma tantx kien hawn għażliet ta’ sports oħra dak iż-żmien u kienet kważi xi ħaġa ovvja li tibda tilgħab futbol mal-ħbieb. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Pietà Hotspurs FC.

Li tkun kowċ ta’ Pietá Hotspurs awtomatikament trid temmen fl-iżvilupp tal-plejers inkella mhux se ssibek komdu taħdem. Kollox fih il-vantaġġi u l-iżvantaġġi imma din is-sena nħossni integrajt iktar fil-familja tal-Pietá. Inħossni komdu naħdem u niżviluppa l-ħafna talent li hemm.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul l-aħħar staġun?

Jien nemmen li dejjem trid taspira li tiġġieled biex tieħu prozzjoni imma ovvjament mhux faċli u hemm l-avversarji li se jippruvaw ukoll. Kien hemm mumenti dan l-istaġun fejn nemmen li stajna għamilna aħjar imma kollox ma’ kollox, kellna ħafna mumenti tajbin. 

X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-BOV Challenge Cup?

Li nista’ ngħidlek li dan is-suċċess huwa kollu mertu tal-plejers u tas-sagrifiċċju kbir li jagħmlu.

Kif qed tħares lejn l-istaġun li ġej fit-tmun ta’ Pietá Hotspurs FC bħala kowċ?

Din se tkun tielet sena fit-tmexxija tat-tim ta’ Pietá u għalkemm kien hemm xi plejers li telqu żammejna ħafna mill-plejers. Kien hemm bidla wkoll fl-istaff tekniku fejn se jkolli lil Trevor Thomas jgħinna bħala assistant coach u Carmelo Caruana kowċ tal-goalkeepers. Jien nemmen ħafna f’li bnjena f’dawn l-aħħar sentejn u nħares b’ottimiżmu lejn l-istagun li ġej. Imma konxju li se jkun staġun diffiċli. Meta jkollok ftit sfidi ovvjament trid il-ħin biex dawn jidħlu fil- mekkaniżmi tat-tim. Jien dejjem nemmen li meta taħdem sew u tkun reżiljenti għandek ċans li tmur tajjeb f’dak li tkun qed tagħmel, u aħna hekk se nagħmlu!

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Jien l-iktar li nsegwi huwa l-BOV Challenge League u meta nikkumparah ma’ sa ftit snin ilu nemmen li l-livell tjieb. Dejjem trid iżżomm f’moħħok li l-livell huwa non-professjonali, u allura dejjem se jibqa’ lura meta kkomparat ma’ pajjiżi oħra.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Ifhem, aħna nilagħbu s-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium u nemmen li l-livell tal-grawnds huwa wieħed tajjeb. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Se nerġa’ ngħaddilek l-istess messaġġ li kont għaddejtlek meta intervistajtni meta sirt kowċ ta’ Pietá Hotspurs. Il-futbol iżommok ‘il bogħod mill-vizzji u jagħtik skop sabiħ kif tħares lejn il-ħajja. Ikabbarlek karattru u jgħallmek titlef u taċċetta telfa, kif ukoll terġa’ tqum fuq saqajk! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport