Wara li l-Arċisqof Charles J. Scicluna offra li jkun medjatur fil-kwistjoni li nqalgħet u li wasslet biex il-Bord tal-Iskola San Albert il-Kbir jittermina l-impjieg ta’ Mario Mallia minn Kap tal-Iskola, Talk.mt tkellem mal-eks kap tal-iskola fejn dan iddikjara bl-aktar mod kategoriku li “jien dispost għal medjazzoni. Qatt ma kelli problema biex niltaqa’ u nitkellem.” Mistoqsi minn L-Talk mt jekk hu hux lest li jerġa’ jidħol fit-tmexxija tal-iskola li ilu snin imexxi, hu qalilna li “jien dispost li nagħmel minn kollox biex il-proġett li konna qegħdin inmexxu ‘l quddiem jitwettaq”.
Fil-kummenti tiegħu lil Talk.mt hu qalilna li “lbieraħ waranofsinhar l-Arċisqof ħareġ bil-possibilità tal-medjazzjoni. Jien qatt ma kelli problema niddjaloga. Jien ninsab miftuħ biex nitkellem ma’ kulħadd. L-issues li nqalgħu kienu dwar id-djalogu bejn it-tfal. Li niltaqa’ u nitkellem jien m’għandi l-ebda problema. Mal-Provinċjal u anki mal-bord konna ilna nippruvaw nagħmlu appuntament biex niltaqgħu.”
Nistaqsuh dwar jekk għadu interessat li jkompli jmexxi dan il-kulleġġ wara dak li nqala’ u għal dan Mario Mallia jgħidilna b’mod ċar “jien li jinteressani hu li l-proġett edukattiv li konna bdejna ikompli. Bija u mingħajri, li jinteressani hu li jitkompla. Jien ma tlaqtx jien. Dispost li nagħmel minn kollox biex dan il-proġett jitkompla.”
Jispjega l-proġett edukattiv li kien għaddej f’dan il-kulleġġ u jgħidilna li “dan kien proġett edukattiv fejn l-ewwel ħaġa konna nippromwovu l-etos nisrani tal-Kulleġġ. L-inklużjoni. Fi kliem sempliċi li tfal iħossu li hemm min qed jindukrahom, min qed jieħdu ħsiebhom u jħossu komdi. Dan waqt li ntuhom il-messaġġ li f’din is-soċjetà mimlija kliem ta’ mibegħda, hemm modi oħra differenti ta’ kif ngħixu flimkien”.