Grupp ta’ attivisti dalgħodu ltqagħu fi Pjazza Tritoni b’għadd ta’ kartelluni bil-messaġġ “Jien għamilt abort.” Din l-azzjoni, li saret eżatt ġimgħa qabel mhu se ssir il-Rally ta’ Malta Pro-Choice 2023 – Malta’s Pro-Choice Rally 2023 is-Sibt, 30 ta’ Settembru, kellha l-għan li tixħet dawl fuq ir-realtà oppressiva li tiċċirkonda s-suġġett tal-abort f’Malta. L-għan ta’ din l-azzjoni huwa ukoll biex jintwera kemm l-abort huwa komuni, għalkemm illegali.
Fi stqarrija l-Graffitti qalu li l-abort huwa komuni u huwa xi ħaġa normali. L-attivisti nsistew li kulħadd iħobb lil xi ħadd li jkun għamel abort. Skont il-Graffitti, f’Malta, mill-inqas persuna waħda kuljum tuża l-pilloli tal-abort biex tagħmel abort id-dar. Il-pilloli tal-abort (mifepristone u misoprostol) huma medikalment sikuri.
L-attivisti dalgħodu sostnew li minkejja dan, l-abort xorta waħda għadu jiġi kriminalizzat f’Malta u kull min jagħmel jew jgħin f’abort jista’ jaffaċċja sa 3 snin ħabs. Ftit xhur ilu biss, mara ġiet imħarrka u mtella’ l-qorti talli għamlet abort wara li kienet ġiet irrappurtata lill-pulizija mis-sieħeb abbużiv tagħha. “L-Istat kien kompliċi fil-perpetwazzjoni taċ-ċiklu ta’ vjolenza,” qalu l-attivisti.
Il-projbizzjoni tal-abort u l-kriminalizzazzjoni ta’ nisa u persuni tqal ma jwaqqfux, u qatt m’huma se jwaqqfu, l-abort milli jkompli jsir. Minflok, qed iservu biss biex joħolqu klima ta’ biża’, jipperpetwaw sentimenti ta’ ħtija u mistħija, u jsaħħu l-istigma u l-esklużjoni soċjali.
“Persuni li għamlu abort m’għandhomx jiġu ġġudikati jew kriminalizzati. Ir-residenti kollha ta’ Malta jistħoqqilhom li jiġu ttrattati b’rispett. Għandu jkollna l-awtonomija li niddeċiedu x’inhu l-aħjar għalina, għal ġisimna, għal saħħitna, u għal ħajjitna,” insistew l-attivisti. “Aħna qegħdin hawn biex nuru solidarjetà ma’ dawk li ma jħossuhomx sikuri u komdi li jitkellmu pubblikament dwar l-esperjenzi tagħhom tal-abort,” qalu l-attivisti.