Tuesday, March 24, 2026

“Jien ħaj” … Netanyahu b’konferenza tal-aħbarijiet biex ixejjen spekulazzjonijiet fuq il-midja soċjali 

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-midja soċjali kienet invażata b’diskors li l-mexxej Iżraelit Benjamin Netanyahu nqatel f’attakk strateġiku mill-forzi Iranjani. Dawn it-teoriji u spekulazzjonijiet żdiedu hekk kif wara s-suspettat qtil, li ngħad li seħħ bejn it-8 u d-9 ta’ Marzu, ittellgħu vidjows “suspettużi” li f’wieħed Netanyahu deher b’tazza f’idu f’kaffeterija u ieħor f’konferenza. Allegatament dawn iż-żewġ vidjows saru bl-Intelliġenza Artifiċjali (AI). Dan barra li fl-aħħar ġranet Netanyahu kien irrapportat assenti għal xi laqgħat importanti interni kif ukoll esterni. 

Il-ġurnalisti u l-midja tradizzjonali wkoll bdew jistaqsu iżda dejjem ingħataw r-risposta li Netanyahu għadu ħaj. Minkejja dan, il-midja b’mod ġenerali kienet għadha mhux konvinta u għal dan il-għan Netanyahu tella’ konferenza tal-aħbarijiet li fiha beda biex iddikjara “l-ewwel ħaġa, jien ħaj u intom kollha xhieda ta’ dan”. 

F’din il-konferenza kienu mistiedna diversi kmamar tal-aħbarijiet inkluż is-CNN u l-għan warajha kien li jkun hemm evidenza indisputibbli li l-mexxej Iżraelit għadu ħaj u għadu jmexxi lil Iżrael fil-Gwerra kontra l-Iran. 

Aġġornament ta’ kif sejra l-Gwerra fl-Iran

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet Netanyahu ħareġ b’attakk dirett fuq il-miżinformazzjoni li tinxtered b’mod speċjali fuq il-midja soċjali. “Issa li kkonfermajt din il-miżinformazzjoni, irid naġġornakom fuq il-Gwerra . Taħt il-viżjoni ta’ tmexxija tal-President Trump, l-Amerika u Iżrael qegħdin jieħdu azzjoni flimkien fl-Iran b’determinazzjoni kbira u saħħa bla preċedent. Dawn l-attakki konġunti għandhom l-għan li jneħħ t-theddid eżistenti mir-reġim li wiegħed gwerra kontra l-Amerika u l-Iżrael, kif ukoll kontra n-nies tal-Iran għal 47 sena”.  

Netanyahu elabora li l-miri tagħhom huma tlieta: li jneħħu t-theddida nukleari; li jneħħu t-theddida ta’ armi balistiċi; u li n-nies Iranjani jistgħu jerġgħu jiksbu l-libertà tagħhom .

Dan il-mexxejj allega li l-Iran qiegħed jattakka anke lil-Lvant Nofsani u lin-nies ċivili. “Konna ilna s-snin inwissu li dan se jiġri u dan huwa biss il-bidu”. Hawn semma’ kif ir-reġim qiegħed jhedded lid-dinja kollha bl-għeluq tal-Istrett tal-Ħomuż. “Allura, illum nasal biex ngħid li l-Istati Uniti u Iżrael qegħdin jipproteġu lid-dinja kollha. Minkejja l-aħbarijiet qarrieqa mxerrda mill-bidu tal-gwerra 20 jum ilu, aħna qegħdin nerbħu u l-Iran qiegħed jiżżarma… Hemm aktar xogħol xi jsir u se nagħmluh”. 

Netanyahu: Kien Trump li ħeġġeġ lil Iżrael għal azzjoni

Fake news oħra li Netanyahu ried jiċċara u din hija dettall importanti, hija dik li “l-Iżrael kaxkar miegħu lill-Istati Uniti f’din il-Gwerra. Hawn xi ħadd li verament jaħseb li hemm min jista’ jgħid lil Trump x’għandu jagħmel? U ejja… Il-President Trump dejjem jieħu huwa d-deċiżjonijiet tiegħu fuq dak li jaħseb huwa tajjeb għall-Amerika u għall-ġenerazzjonijiet futuri… Flimkien qegħdin nilħqu għanjiet f’temp qasir ħafna”. 

Hawn huwa ppreċiża li, “huwa minnu li għal 40 sena jien ili ngħid li l-Iran huwa ta’ periklu. Imma, tafu għaliex għidt hekk? Il-President Trum. 47 sena ilu meta Iranjani ħatfu ambaxxata Amerikana huwa kien qal kemm huma perikolużi u fl-ewwel terminu tiegħu ma kellux bżonn min jikkonvinċih u qabel ma reġa’ ġie elett għat-tieni terminu mort narah f’Mar-A-Lago u l-ewwel ħaġa li qalli kienet li rridu nassiguraw li l-Iran ma jkollux armi nukleari. Qal dan huwa lili mhux jien lilu…. Jgħidu mewt mewt lil Iżrael imma jgħidu li l-Iżrael huwa x-xitan iż-żgħir li qiegħed fin-nofs. Għalihom il-vera satana huwa l-Istati Uniti… qatlu suldati Amerikani u ppruvaw joqtlu darbtejn lil Trump”. 

Il-mexxej Iżraelit insista li din il-gwerra hija fl-interess tal-pajjiżi kollha u li tkellem ma’ diversi mexxejja u “kollha jafu dan u bejnietna jammetta. Ma jgħidu xejn b’mod pubbliku imma jien iva. Id-dinja għandha tapprezza għal dak li qiegħed jagħmel il-President Trump”.  

Netanyahu min-naħa tiegħu tul il-konferenza nsista li quddiemha d-dinja għandha periklu ta’ “apokalissi” jekk l-Iran ma jitwaqqafx fil-ħin. Irribatta li “l-Amerika qiegħda taħdem ma’ Iżrael biex nipproteġu lid-dinja kontra dawn il-barbari… Jekk in-nies iridu jkunu ġenwini żżejjed (naive) li ma jarawx x’tip ta’ dinja ngħixu fiha… f’din id-dinja mhuwiex biżżejjed li tkun ta’ moral sod, mhuwiex biżżejjed li tkun ġust u mhuwiex biżżejjed li jkollok raġun”. 

L-allegat attakk fuq il-libertà tal-espressjoni

“L-armi jinbidlu l-ħin kollu. Illum ma tistax tiġġieled bis-skieken għax mhumiex daqstant effettivi… irridu niġġieldu bl-armi li jaħdmu fuq il-kampijiet tal-battalja li nkunu fihom u l-aktar importanti hija l-midja soċjali”.

Hekk kien iddikjara l-mexxej Iżraelit ftit tax-xhur ilu u żgur li f’dan iż-żmien ta’ konflitt mal-Iran jara li din l-istrateġija diġitali tista’ tgħinu fl-għanjiet tiegħu. Huwa kien iddikjara li l-aktar akkwist importanti li għaddej bħalissa huwa “fl-ewwel post TikTok” l-istess pjattaforma li f’dawn il-ġranet xerdet diżinformazzjoni bla waqfien dwar il-“mewt” tiegħu. Netanyahu semma’ wkoll il-pjattaforma “X”. Dwar ix-xiri ta’ dawn il-pjattaformi online kien stqarr “nittama li jirnexxielna… hemm bżonn nitkellmu ma’ Elon Musk”. 

Dan il-kumment f’dawn il-ġranet reġgħu taw bidu għal diskussjonijiet u dibattiti jaħarqu online. Kummentaturi qegħdin jaraw li l-intenzjoni ta’ xiri jew “kontroll” tal-pjattaformi minn Iżrael huwa “attakk minn Iżrael fuq il-libertà tal-espressjoni”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport