Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Naħseb li l-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont għadni tifel żgħir. In-nannu tiegħi, għalkemm dak iż-żmien ma kienx hawn internet u l-media li hawn illum, kien isegwi kif jista’ l-futbol Ingliż, speċjalment l-Arsenal, u kont qbadt in-namra. Meta konna tfal kont spiss nitla’ l-grawnd ma’ kuġini tiegħi li ħafna minnhom ukoll iżommu mal-Belt, minkejja li ħafna minn familti mill-Ħamrun. Tista’ tgħid li fejn jidhol il-futbol kelli ħasil il-moħħ pjuttost pożittiv…
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Segretarju ta’ Valletta FC.
Jiena sa sena ilu lanqas kienet tgħaddili mill-qurriegħa ta’ rasi li nidħol f’amministrazzjoni ta’ klabb tal-futbol, iktar u iktar klabb enormi għad-dimensjonijiet ta’ pajjiżna. Qattajt għomri u żmieni f’għaqdiet volontarji iżda fil-maġġor parti kienu esperjenzi relatati ma’ baned. Meta mbagħad avviċinani Claudio Grech, li eventwalment inħatar president, kienet diffiċli ngħid le u flimkien ma’ ħafna nies oħra dhalt għal dan ir-rwol bl-iskop ewlieni li ngħinu lill-klabb jerġa’ lura fejn jixraqlu.
Ix-xogħol tagħna fis-segretarjat hu xogħol li ma jidhirx. Is-segretarjat bażikament jgħaqqad funzjonijiet diversi li jkollhom sezzjonijiet tal-klabb f’amministrazzjoni ċentrali. Fost ħafna affarijiet oħra għandek tunnellati ta’ korrespondenza, kuntratti ta’ kull tip u għamla, organizzazzjoni ta’ avvimenti, dokumentazzjoni uffiċjali u reġistrazzjonijiet, kuntatti mal-MFA u ma’ klabbs oħra fuq diversi affarijiet, parteċipazzjoni f’sotto-kumitati diversi, permessi, biljetti, arkivjar, eċċ. Għandi l-grazzja li għandi żewġ Assistenti Segretarji ta’ stoffa li jgħinuni mmens u nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzjahom.
X’tikkummenta fuq il-fatt li sirtu Champions tal-BOV Challenge League u kisibtu l-promozzjoni għall-Malta Premier?
Meta tqis li fil-bidu kif bdiet din l-amministrazzjoni sibna sitwazzjoni prekarja fit-tim, u meta tqis li din l-amministrazzjoni bdejna naħdmu fuq it-tim xahar u nofs wara timijiet oħra, nemmen li dan is-sett ta’ plejers, flimkien mad-diriġenti tagħhom għamlu passi ta’ ġgant ‘il quddiem u kif jirrikjedi sport bħal dan, iffunzjonaw bħala tim magħqud. Jien kelli l-okkażjoni nattendi xi attivitajiet soċjali mat-tim u bqajt impressjonat fuq l-ispirtu ta’ fratellanza li hemm bejn il-plejers u bejn il-kumplament tal-istaff.
L-ewwel tragward li kellna, u nemmen li llum wasalna, kien li nsalvaw il-klabb mill-għeluq. Is-sitwazzjoni li sibna kienet waħda diffiċli ħafna fejn fost oħrajn kellna diversi sanzjonijiet li ridna nsolvu. Aħna emminna li jekk dan it-tragward insolvuh ikun inqas diffiċli mbagħad li timmira għal tragwardi oħra, fosthom li nerġgħu niġu promossi għall-Malta Premier.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Thane Micallef?
Jiena bħala partitarju kont rajt lil Thane imexxi t-tim fi żminijiet diffiċli u dak iż-żmien kont ammirajtu għar-reżiljenza tiegħu. Illum li sirt nafu iktar bħala Segretarju tal-klabb, għalkemm jien mhux tekniku u ma tantx nindaħal f’affarijiet tekniċi, inħoss li Thane hu kowċ serjissimu u preparatissimu. Il-mod ta’ kif imexxi t-tim hu wieħed pożittiv u dan jixhdu l-għaqda li hemm bejn il-plejers. Id-dettall ta’ preparazzjoni li jagħmel dan il-kowċ hu kbir u għalkemm jien ma nkunx fiżikament fit-taħriġ jew fid-dressing room għax inhoss li dan hu post għal min hu tekniku u jifhem, bħala bniedem li għal snin twal ħdimt f’relazzjonijiet industrijali nara li t-tmexxija ta’ Thane hi organizzata u serja.
U fuq il-kumitat ta’ Valletta FC immexxi mill-president, Claudio Grech?
Jien ilni fuq 30 sena f’kumitati ta’ kull xorta, speċjalment fil-baned. Qatt, sa qabel dan l-istaġun, ma ħdimt ma’ president bħal Claudio. Claudio għandu viżjoni li ftit rajt bħalha. Qisu granmastru taċ-Chess li jkun xi 20 move qabel kulħadd. Jaf fejn irid jieħu l-klabb u jaf mil-liema toroq hemm bżonn ngħaddu. Bniedem esiġenti u alla ħares mhux hekk. Nammetti li fil-bidu sibtha diffiċli nadatta għall-istil billi dan hu stil iktar korporattiv milli kif imdorrijin aħna f’kumitati amatorjali. Jiena, minkejja l-esperjenza kollha li għandi sew professjonali u sew fil-volontarjat, nista’ ngħid li f’dawn il-ftit xhur tgħallimt ħafna. Barra minn dan tista’ tgħid li l-Kumitat li mmexxu hu wieħed ta’ livell għoli fejn kulħadd għandu rwoli fuq xiex jaħseb u jaħdem u l-ammont ta’ nies inkredibbli li joffru għajnuna ta’ kull tip hu wieħed li qatt ma rajt imkien jien.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-matematika u l-istatistika turina li l-livell tal-futbol Malti meta pparagunat ma’ pajjiżi oħra tad-daqs tagħna fl-Ewropa, hu wieħed pjuttost baxx u medjokri. Nista’ nagħti elf raġuni għalfejn qegħdin hekk iżda minflok nippreferi nagħti ideat biex immorru ‘l quddiem. Inħoss li l-ewwel ħaġa li rridu nindirizzaw hi l-kulturá, u dan mhux fil-futbol biss iżda f’kollox. Il-mentalitá tal-Malti trid tkompli tevolvi fejn, anke fl-isport, ma nistgħux nibqgħu “u iva mhux xorta”. Irridu nifhmu li dak kollu li nagħmlu, inkluż anke l-futbol, irridu nagħmluh b’serjetá u professjonalitá. Ħaġ’oħra li hemm bżonn issir, fil-fehma tiegħi, hi li kif għamlu pajjiżi oħra, nibdew inpoġġu l-partitarji fil-qalba ta’ kull deċiżjoni. Irridu nkunu maturi biżżejjed biex insaqsu jekk il-partitarji tagħna humiex kuntenti b’dak li qed noffrulhom fil-pitch, u jekk humiex kuntenti b’dak li mhux relatat biss mal-pitch. Meta partitarju ta’ kwalunke tim iqatta’ miżerjament erba’ sigħat (bejn vjaġġi u logħob) biex isegwi logħba ta’ kampjonat Malti irridu nagħtuh lura esperjenza pożittiva u wara din l-esperjenza irid joħroġ mill-grawnd, anke jekk ir-riżultat ma jkunx forsi favorevoli, u jkun sodisfatt li ma ħeliex nofstanhar minn ħajtu. Din hi xi ħaġa li qed nipprovaw nagħmlu aħna, u għandna rispons tajjeb għax kif jista’ jixhed kulħadd għandna fost l-ogħla attendenzi, jekk mhux l-ogħla, fil-kampjonati kollha. Iżda biex noffru esperjenza ħolistika lill-partitarju, irid ikun hemm inizjattiva nazzjonali bejn il-klabbs mal-MFA u mal-awtoritajiet li jistgħu jgħinu.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Għalkemm jien m’inix tekniku, fuq livell personali nemmen li l-klabb tagħna għandu bżonn soluzzjoni aħjar speċjalment għat-timijiet tat-tfal u żgħażagħ u tan-nisa. Qed nesploraw opzjonijiet differenti iżda din hi triq li għalina hi pjuttost għat-telgħa. Minkejja dan kollu, diġá kellna tlajja weqfin immens dan l-istaġun allura jien ma naqtax qalbi. Fejn jidħlu l-faċilitajiet tal-MFA, ovvja li meta tqis iċ-ċokon ta’ pajjizna diġá għandna faċilitajiet mhux ħażin. Hemm x’tirranġa? Kemm trid u nemmen li jekk inpoġġu lill-partitarju fil-qalba tad-deċiżjonijiet hemm soluzzjonijiet li anke jistgħu jkunu mgħaġġla. Biex nagħti eżempju wieħed, hemm bżonn li l-bar tal-iStadium Nazzjonali jkun qisu diehel f’xi faċilitá korrettiva b’dak il-ħadid kollu? Illum żgur hawn soluzzjonijiet ħafna aħjar li lill-partitarju jagħtuh esperjenza iktar effiċjenti u iktar pożittiva.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
L-iktar ħaġa faċli għalija hi li nibqa’ nagħmel kif kont nagħmel għal snin twal, nintefa’ ma’ sħabi fl-istand ġimgħa wara ġimgħa, nieħdu xi pinta birra jew xi tazza kafé, u nsegwu l-logħba. Kultant inċapċpu, kultant forsi nżarrtu xi tnejn. Madanakollu, jien ingħatajt fiduċja mill-president u mill-membri biex nopera f’pożizzjoni ta’ responsabbiltá kbira waqt li l-vapur kien fl-ikbar maltemp li kellu fl-istorja. L-appoġġ li sibt mingħand kulħadd kien kbir u nirringrazzja wkoll lill-mara għall-paċenzja li tieħu bija ghħx dan huwa rwol li jirrikjedi ħafna sigħat. Jekk il-president u l-membri jħossu li jien nista’ nkun ta’ kontribut siewi, u jekk ma jinqalax xi saram personali, jien nibqa’ umilment inservi u nagħmel li nista’.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-appell tiegħi imur għal mijiet ta’ żgħażagħ u adulti li jaffordjaw jagħtu ftit sigħat fil-ġimgħa biex jidħlu fil-volontarjat. Il-volontarjat mhux biss għajnuna għal dik l-għaqda li tgħin, iżda wkoll hu esperjenza pożittiva ta’ tagħlim li tgħallmek ħiliet li ma ġġibhom mill-ebda universitá fid-dinja. Vera li mhux se ddaħħal flus mill-volontarjat, anzi aktarx toħroġ iżjed, iżda l-investiment li tagħmel fik innifsek hu enormi u l-ġid li tagħti lura lill-komunitá hu imprezzabbli anke jekk ikun xogħol, li bħal tiegħi, ftit li xejn jidher.
Il-kapacita tieghek urejtha kemm fl-MUT u l-banda San Guzepp.
Success ichor mal-Belt, fil-futbol. PROSET.