Minn Cristian Muscat
Edgar, nistgħu nsejħulek ‘Mr Promotions’, dan għaliex staġun wara ieħor, għal dawn l-aħħar snin ksibt diversi promozzjonijiet. Ser nitkellmu dwar il-promozzjoni ta’ din is-sena, ma’ Birżebbuġa Saint Peter’s … x’kien is-suċċess wara din il-promozzjoni?
Iva, u jiena naħseb li l-għaqda, huwa permezz tal-għaqda li hawn li rnexxielna, u l-plejers li kien hawn ingħaqdu għaliex ma kinux daqshekk qabel, u konna għadna ġejjin minn ħames riżultati negattivi, u minn dakinhar ’l hemm ħaditna ’l quddiem, tajna l-fiduċja lil kull plejer li kien hawn u kisbna r-rizultati mixtieqa.
Però s-suċċess tagħkom huwa wieħed aktar rimarkabbli u aktar notoveli meta tqis il-fatt li dawn l-aħħar ġimgħat kellkom numru ta’ plejers imweġġgħin, hux hekk?
Iva eżatt, għad għandna ħames plejers barra, u dawn ilhom barra mil-logħba tal-Birgu, però l-plejers baqgħu jemmnu u t-tim baqa’ jirbaħ u jikseb is-suċċessi.
Issa jmisskom id-decider tant mistenni nhar il-ħadd kontra Vittoriosa Stars, temmnu li din tistgħu tagħmluha wkoll?
Allaħares le, għax jekk inti ma jkollox fiduċja fit-tim tiegħek ma tistax titla’ tilgħab, jien għandi fiduċja kbira fit-tim tiegħi, u għalkemm hemm in-nuqqas ta’ ħafna plejers, ġejt hawn għax kont nemmen fit-tim, għax kieku kont nibqa’ ma’ Ħal Tarxien, u hekk l-istorja kienet tkun differenti, biss jiena dejjem emmint f’dawn in-nies, u fl-istruttura anke li hawn f’dan il-pitch, il-fatt li hawn is-sauna u l-gym. Jiena kont ma’ timijiet imma dawn l-affarijiet lanqas f’timijiet tal-Premier ma ssibhom. Jien lil dawn in-nies ngħidilhom prosit tax-xogħol li jagħmlu, u huma nies, fosthom il-president Joseph li qajjem lil kulħadd mir-raqda li kien hawn u beda jemmen f’kulħadd, u anke fil-plejers, jiġifieri kif jista’ jkun il-kowċ u l-plejers ma jemmnux li nistgħu niksbu din il-logħba wkoll?
Inti kkowċjajt diversi timijiet matul is-snin fosthom ogħla minn dawk tan-National Amatuer league 1, kif tqis il-livell ta’ dan il-kampjonat? Taqbel miegħi li l-livell kien wieħed pjuttost għoli?
F’kull diviżjoni meta jiżdiedu l-plejers barranin, il-kompetizzjoni tkompli tiħrax. Jiena kont għadni ġej minn settur ma’ kowċ bravissimo Jacques Scerri li nsellimlu minn hawn, li hu tani l-opportunità li mmur miegħu u ħallieni dejjem naħdem komdu u żammejna t-tim maqgħud u nkun kuntent jekk il-Ħadd Tarxien ukoll jieħdu dak li ħaqqhom.
Edgar, il-pass li jmiss huwa issa li tilagħbu fil-BOV Challenge League … iċ-Challenge League nafu li mhuwiex Amateur League, speċjalment dawn l-aħħar snin li għamel qabża kbira, u speċjalment din is-sena li ħafna mill-plejers niżlu hemm. Kif qed tħares lejn is-sehem tagħkom fil-BOV Challenge League?
Jien kull fejn immur dejjem ikolli mentalità rebbieħa, u ma noqgħodx ngħid għax għadni tiela’ jew għax għadni nieżel. Jiena dak li nemmen irrid nagħmlu, straight to the point. Il-viżjoni tiegħi żgur li qatt mhu se tkun mal-aħħar timijiet; l-ewwel pass hu li aħna nidħlu mat-Top 8, u mbagħad naraw ’il quddiem, imma hawnhekk il-mentalità li hawn inbidlet diġà, qed jinħass li ġej is-suċċess u li ġej ir-rebħ u x-xewqa tiegħi hi li nerġgħu nkunu tim kompetittiv u nerġgħu nkunu mal-ewwel diviżjoni.