Wednesday, January 14, 2026

Jien min jien…

minn Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Iż-żgħożija hija perjodu li fih ħafna deċiżjonijiet importanti għal ħajjitna kollha jridu jittieħdu u li mbagħad nibnu ħajjitna dwarhom. Hemm deċiżjonijiet u mistoqsijiet kbar x’jiġu mwieġba bħal: jien min jien? F’hiex nemmen? X’irrid nagħmel f’ħajti bħala professjoni? X’inhi l-orjentazzjoni sesswali tiegħi fost oħrajn.

F’hiex nemmen hija aspett importanti għal kull bniedem għax minn hemm inġibu l-valuri u l-prinċipji li fuqhom nibnu ħajjitna. Ikun hemm dibattiti sħaħ fiż-żgħożija jekk Alla huwiex veru, jekk jeżistix jew le, jekk jiena allura inix Kattoliku, Musulman, Buddist, jew nemmen f’xi reliġjon oħra jew inkella inix ateju u ma nemmen b’xejn. 

Imma, mar-reliġjon ukoll jidħlu l-valuri u l-prinċipji li mbagħad l-orjentazzjoni politika tiġi magħha. Jekk naqbilx mas-soċjaliżmu, komuniżmu jew inkella mal-kapitaliżmu. Jekk nemminx fil-lemin estrem jew inkella inix iktar ċentrali. Dawn il-mistoqsijiet kollha rridu nweġbuhom għax imbagħad fuqhom jidħlu l-assoċjazzjonijiet tagħna fil-gruppi li ningħaqdu magħhom. 

Il-pressjoni tal-ħbieb

Issa, f’dan iż-żmien, il-pressjoni tal-ħbieb hija kbira immens u importanti allura ma hemmx forma waħda ta’ kif isiru l-affarijiet. Jiġifieri mhux l-ewwel tiddeċiedi f’hiex temmen u mbagħad wara tingħaqad mal-grupp ta’ talb. Tista’ tingħaqad mal-group ta’ talb u wara ssir temmen f’dawk il-valuri jew tingħaqad ma’ grupp ta’ talb u ssib li dak il-grupp ta’ talb inti ma taqbilx miegħu u titlaq minnu u tmur issib grupp tal-ieħor jew tiddeċiedi li ma ssib xejn.

Hemm sekwenza ta’ min huwa importanti l-iktar ġewwa ħajjitna u jekk naraw x’jgħidu l-istudjużi dwar dan jkollok l-ewwel ftit snin fejn l-omm tkun vera importanti għal kull persuna, meta tikber ftit iktar it-teacher tiġi importanti ħafna. Wara jiġi l-grupp tal-ħbieb li nkunu qed ngħixu magħhom. Hawn tibda ż-żgħożija. F’dan il-perjodu aktarx li l-ġenituri, il-missier jiġi “ix-xiħ” u l-omm tiġi “ix-xiħa” u jiġu “ma jifhmux”. Wara li jgħaddu l-esperimentazzjoni taż-żgħożija ż-żgħażagħ imbagħad jibdew jiġu par par u l-partner jiġi importanti. Meta jiġu par par, “ix-xiħ u ix-xiħa” ma jibqgħux ma jifhmux imma jerġgħu jsiru l-ikbar ħbieb tagħna.

Il-perjodu taż-żgħożija

Imma f’dan il-perjodu taż-żgħożija l-esperimentazzjoni hija kbira u importanti. Bla dubju ta’ xejn hemm il-mistoqsija jien min jien, x’ħa nsir la nikber. Ħafna drabi u f’xi każijiet il-ġenituri jieħdu din id-deċiżjoni mat-tfal, jekk mhux waħedhom, għax iridu jintgħażlu s-suġġetti partikolari li persuna tkun trid tistudja biex issir dak li tixtieq u allura jekk irridu nidħlu fil-mediċina rridu nistudjaw suġġetti mod u jekk irridu nsiru periti jew inġiniera nistudjaw suġġetti mod ieħor. Imma ġieli smajna b’żgħażagħ li f’nofs kors jieqfu u jibdew xi ħaġa, xi kors kompletament differenti u dan huwa normali għax ma jħossuhomx komdi jagħmlu dak li jkunu qed jistudjaw għalih.

Hemm ukoll mistoqsijiet kbar dwar is-sesswalità tagħna bħala persuni. Jien minn jien sesswalment. Ma’ din tidħol ukoll l-esperimentazzjoni sesswali. Tibda l-esperimentazzjoni sesswali bit-tibdil fil-ġisem. Is-subien nibdew jaraw il-leħja tiela’ u d-daqna filwaqt li l-bniet, ngħidu li waqgħet it-tarġa u jibdew jiġu ffurmati l-partijiet f’ġisimhom li jekk ’il quddiem isiru ommijiet sejrin jużaw għal skopijiet ta’ twelid u tkabbir tat-trabi li jkollhom. 

Matul dan il-perjodu hawn ħafna riskji kbar li ż-żgħażagħ bla esperjenza u b’riżorsi finanzjarji limitati immens iridu jiffaċċjaw. Allura biex isibu lilhom infushom u jwieġbu l-mistoqsija jien min jien sesswalment jistgħu wkoll ikollhom interazzjoni ma’ partners differenti.

Mard trażmess sesswalment

Minħabba l-fatt li l-mard trażmess sesswalment huwa preżenti allura f’dan il-proċess fejn ikun hemm esperimentazzjoni sesswali jistgħu wkoll ikunu żvinturati u jaqgħu għal mard relatat mat-trażmissjoni sesswali. Kont qrajt li fi studju li sar ġewwa l-Amerika l-maġġoranza taż-żgħażagħ fl-età ta’ 13-il sena diġà jkollhom relazzjoni sesswali ma’ xi partner. Dan allura jista’ jwassal biex biex iwieġbu l-mistoqsija jien min jien sesswalment, jispiċċaw jiffaċċjaw ċirkostanzi oħrajn bħal mard li jinxtered b’mod sesswali u wkoll tqala li ma tkunx ippjanata. 

Sfortunatament uħud mill-mard li jinxtered sesswalment ma tantx huwa sabiħ biex tieħu l-kura għalih. Hemm il-virus tal-HIV u ħafna mard ieħor li jinbidillek ħajtek jekk tlaqqat dan il-mard. Minn esperimentazzjoni sesswali tispiċċa trid tiffaċċja konsegwenzi koroh li jibdlulek ħajtek kompletament. Filwaqt li jekk ma jkollokx tiffaċċja dawn il-konsegwenzi s-sess huwa ta’ pjaċir u huwa importanti fil-ħajja tal-bniedem. Hija l-ġibda u l-pjaċir li nieħdu, li nħossu mingħajr ma jkollna kontroll fuqha li mbagħad joħroġ aħna minn aħna. Ukoll iċ-ċirkostanza li nkunu għaddejjin minnha li l-ġenituri jiġu “ma jifhmux u antiki” allura nippruvaw nagħmlu kollox bil-moħbi.

L-aċċessibbiltà għall-prevenzjoni

Jekk biex tevita kemm tista’ li jinxtered il-mard trażmess sesswalment l-użu tal-kondoms huwa rakkomandat u dan ħadd ma jgħid li hija garanzija li mhux se jkun hemm mard trażmess sesswalment jekk jintuża l-kondom jew li mhux se tinqabad tqila jekk tagħmel dan però hija sitwazzjoni aħjar milli kieku ma tużax protezzjoni. Hawn toħroġ il-mistoqsija l-oħra minn fejn se jiġu l-kondoms. 

Ilna żmien nimbuttaw ’il quddiem biex il-kaxxi bil-kondoms ikunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ u għall-poplu jekk jista’ jkun f’kull rokna tal-pajjiż. Ikunu attwalment aċċessibbli kemm jista’ jkun. Jridu jkunu aċċessibbli u irħas. Ma tistax tagħmel kondom jiswa ħafna għaliex iż-żgħażagħ ikollhom flus limitati u prezz għoli jista’ jkun fattur li jżommhom milli jixtru dak il-kondom. Ukoll it-tqassim tal-kondoms b’xejn għandu jkun iktar sistematiku u ma għandux ikun biss waqt xi kampanja ta’ health promotion imma għandu jkun aċċessibbli kullimkien fejn ikun hemm iż-żgħażagħ u l-poplu.

Nieħdu każ ta’ persuna tkun xi tkun, kemm tfajla jew ġuvni u dawn ikunu qed jgħaddu minn perjodu ta’ esperimentazzjoni sesswali. Diffiċli immens li jġorru kontraċettiva fuqhom. Jekk tkun tfajla u tieħu l-pillola din trid ħafna drabi tkun bil-kunsens tal-ġenituri tagħha u f’ħafna każijiet anki jekk ma jgħiduhiex il-ġenituri ma jinkoraġġux lil uliedhom jieħdu l-pillola biex ikunu jistgħu jagħmlu attività sesswali. 

It-tieni, il-pillola ma hijiex kontraċettiv li jipproteġi lit-tfajliet mill-mard imma hija kontraċettiv li jwaqqaf il-proċess biex dik it-tfajla ma ssirx omm. Jekk inti tkun ġuvni jew żagħżugħ u tkun għaddej minn dan il-perjodu, ukoll ħafna drabi mhux se toqgħod iġorr kondom fil-but ħalli jekk tiltaqa’ mal-partner tiegħek u jkollkom aptit tagħmlu ftit ħin ta’ intimità tkun ippreparat. 

Allura, l-aċċessibbiltà hija importanti għax il-probabbiltà hija li jekk ma jkunx hemm aċċessibbiltà ma tintużax protezzjoni u kulħadd jiffaċċja l-konsegwenzi. Konsegwenzi li jistgħu jibdlu l-ħajja ta’ dak l-individwu b’mod komplet. Mhux biss b’xi marda jew tqala li ma tkunx ippjanata imma wkoll b’xi marda li tlaqqat li permezz tagħha jkollok tgħaddi minn tbatija kbira.

Għalhekk liż-żgħażagħ irridu nkunu l-ikbar ħbieb tagħhom. Ngħidulhom il-verità, ngħidulhom x’naħsbu, imma mbagħad inħallu lilhom jiddeċiedu x’iridu u jagħmlu l-għażliet tagħhom. Importanti li kulħadd isib ir-risposti għall-mistoqsijiet li jkollu u jasal għal konklużjoni ta’ min huwa. F’hiex jemmen, x’irid isir u liema orjentazzjoni sesswali għandu. Nista’ ngħid li f’dawn l-aħħar snin urejna kemm verament nemmnu fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ tagħna għax għalina ż-żgħażagħ huma importanti fis-soċjetà tagħna u huma parti integrali minn din is-soċjetà.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport