Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-bodybuilding?
Il-vjaġġ tiegħi beda minn post personali ħafna. Kont wasalt 103kg u ma kontx kuntenta b’kif kont inħossni la fiżikament u lanqas mentalment.
Kont naf li ħaġa wahda biss setgħet tbiddilli ħajti. Id-dixxiplina u konsistenza u l-bodybuilding saru l-għodda tiegħi biex nerġa’ nibni lili nnifsi.
X’suċċessi maġġuri ksibt s’issa fil-karriera tiegħi bħala atleta?
Waħda mill-akbar rebħiet tiegħi kienet li fl-aħħar sibt il-kuraġġ li nagħmel dak li xtaqt għal ħames snin sħaħ. Din is-sena tlajt fuq il-palk għall-ewwel darba, u għalija dik kienet rebħa personali.
Rebħa ta’ emozzjoni, ta’ trasformazzjoni u ta’ fiduċja fija nnifsi. Meta tgħid lilek innifsek “dan hu l-ħin tiegħi,” tassew tinfetaħ triq ġdida.
Għalkemm kienet l-ewwel sena li kkompetjajt, irnexxieli niksab riżultati li għalija huma ta’ unur .
Kif nikkunsidra l-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna bħalissa?
Il-bodybuilding f’pajjiżna qiegħed jiżdied fil-livell tiegħu b’mod ċar, iżda għad hawn ħafna lok għall-progress speċjalment meta niġu għall-atleti nisa.
Bħala mara f’dan l-isport, għadna niltaqgħu ma’ mentalità magħluqa u ġudizzji li m’għandhomx posthom fl-2025.
Imma dan biss juri kemm għad hawn bżonn aktar għarfien u rispett lejn l-isforz tagħna.
Madankollu, qed naraw bidla: aktar nies qed jifhmu x’inhu bodybuilding tassew, aktar coaches qed jieħdu ħsieb il-livell professjonali, u komunità qed tikber b’għaqda u appoġġ. L-isport qiegħed jieħu forma adulta f’Malta, pass wara pass.
U r-riżorsi u faċilitajiet għall-atleti?
Illum il-ġurnata qed naraw aktar faċilitajiet u aktar gyms li qegħdin jinvestu f’tagħmir aħjar u ambjent aktar professjonali. Ma nistgħux ngħidu li wasalna fejn irridu nkunu, imma żgur li qegħdin mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Hemm entużjażmu kbir minn ħafna nies fis-settur biex l-isport jimxi ’l quddiem, u dan joħloq atmosfera pożittiva ħafna għalina l-atleti.
Kif tara l-mentalità tal-isport f’pajjiżna llum?
Qiegħda tinbidel. Nies qed japprezzaw aktar ix-xogħol kbir li hemm wara ġisem u performance. Mhux biss “għax tħossok sabiħa,” imma għax tagħmilha għal saħħtek, moħħok, u l-verżjoni l-aktar awtentika tiegħek.
Kif qiegħda tħares lejn il-futur tiegħi fil-bodybuilding?
Qed nara futur mimli opportunitajiet . Irrid inkompli nikkompeti, nikber u nispira lil dawk li jgħaddu minn dak li għaddejt minnu jien. Din mhux fażi izda din hi ħajja li għażilt.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-bodybuilding.
Jiena l-prova li t-tluq minn post diffiċli jista’ jsir l-akbar rigal f’ħajtek. L-akbar bidla li għamilt ma kinitx fil-mirja izda kienet ġewwa fija, fil-mod kif bdejt nemmen fija nnifsi.
Il-bodybuilding għallimni li t-triq mhux dejjem se tkun faċli, imma dejjem se tkun possibbli. Għall ħames snin żammejt ħolma f’moħħi… u fl-aħħar għedt: “Wasal iż-żmien tiegħi.” U hekk għamilt, tlajt fuq l-istage għall-ewwel darba f’ħajti, mhux bħala perfetta, imma bħala persuna kuraġġuża.
Għal min qed jaqra dan u jħoss li mhux biżżejjed: Int biżżejjed. Int kapaċi.
Int tista’ tinbidel, tista’ terġa’ tibni lilek innifsek u tista’ twettaq dak li ħlomt.
Qatt tħalli lil ħadd jgħidlek li ma tistax tagħmel dan!

