Sunday, December 22, 2024

“Jiena u Metsola se nkunu żgur fost il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-PE”

Il-kisbiet u l-isfidi tal-MEPs Maltin f’din is-sena …

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-Parlament fi Strasburgu, fl-aħħar jiem dan is-sit kellu l-opportunità li jitkellem mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin dwar diversi suġġetti. Wara li fil-ħarġa tal-bieraħ qsamna magħkom ir-reazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-każ tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili u l-vot ta’ sfiduċja fil-konfront tagħha, illum qegħdin inwasslulkom summarju ta’ dawk li skonthom huma l-akbar kisbiet għal din is-sena fil-ħidma tagħhom u sfidi li jistennew li se jkun qed jaffaċċja l-Parlament Ewropew fis-sena li ġejja.

“Sena straordinarja għal Malta … ”

Min-naħa tiegħu l-Membru Parlamentari Ewropew David Casa tkellem dwar wieħed mill-aktar files diffiċli li qatt kellu għax meta jkollok il-fondi, kulħadd ikun irid jibbenefika kemm jista’ jkun minnu. Spjega li mill-fond soċjali Malta diġà tibbenefika minn €200 miljun. Huwa qal li għaddej b’negozjati biex ikun hemm fond li mhux iħallas il-kont ta’ dak li jkun. Casa spjega li f’dak il-każ dak li jkun se jkun qed jirċievi l-kont is-sena li ġejja u dan juri li dik m’għandhiex tkun l-għażla. Madanakollu huwa qal li huwa għaddej b’ħidma fuq dan il-fond li hu maħsub li jgħin biex l-individwi jiġu megħjuna jinvestu f’sorsi ta’ enerġija rinovabbli biex jekk jista’ jkun ma jirċevux il-kont. Tkellem dwar diversi sfidi f’ dan il-ħsieb fejn jekk il-persuna qed tgħix f’appartament u m’għandiex biex tħallas il-kont, l-Ewropa tkun qiegħda tgħin lis-sid biex tixtrilu l-apparat għall-elettriku biex jibbenefikaw dawk li jkunu qed jgħixu fil-postijiet bil-kera.

Huwa qal li dawn in negozjati se jkunu kontinwi u impenjat biex jekk jista’ jkun dawn jiġu negozjati sa qabel il-Milied.

Rigward il-ġurnalisti, Casa fakkar li l-imħabba tiegħu għall-politika bdiet mill-istazzjon Radio 101 u li min-naħa tiegħu għaddej b’ħidma li tara li l-ġurnalisti kollha jkollhom dritt li jistudjawk u jikkritikawk ladarba tkun persuna pubblika. Tkellem ukoll dwar ħidma importanti li għad baqa’ ħafna xi jsir dwarha maħsuba li tgħin finanzjarjament lill-kmamar tal-aħbarijiet. Spjega li mill-esperjenzi li ltaqa’ magħhom huwa konxju li din mhix sfida biss li qed naffaċċjaw f’Malta u li qiegħda ssir analiżi dwar il-possibbiltà li dawn jibbenefikaw minn fond li jitwaqqaf biex jgħinhom ikomplu bil-ħidma siewja tagħhom.

Mistoqsi dwar il-futur tiegħu fi ħdan il-Parlament Ewropew, Casa qal li hu u Roberta Metsola żgur li se jkunu fost il-kandidati għall-elezzjoni li jmiss tal-Parlament Ewropew. Dwar il-ħidma tal-President tal-Parlament Ewropew Maltija, huwa qal li jħoss li l-Ewropa kellha bżonn lil xi ħadd bħal Roberta Metsola. Qal ukoll li jidher li s’issa hija popolari immens fl-istituzzjonijiet Ewropej u li fl-opinjoni tiegħu jidher li qiegħda żżomm kelmtha anke quddiem ċertu sfidi bħalma huma dan l-aktar każ riċenti ta’ korruzzjoni u l-gwerra fl-Ukrajna. 

Ekonomija

Sport