Sunday, November 24, 2024

Jieqaf il-proċess tal-offerta ta’ Jim Ratcliffe għal investiment f’Man Utd

Aqra wkoll

It-tamiet li s-saga ta’ investiment ġdid fil-club ta’ Manchester United li tiġi fi tmiemha din il-ġimgħa ħadu xejra oħra hekk kif qed jiġi rappurtat li l-familja Glazer trid tgħaddi minn għadd ta’ dettalji ewlenin tas-sehem minoritarju prospettiv ta’ Sir Jim Ratcliffe.

L-offerta Ratcliffe biex ikun proprjetarju ta’ 25% fil-club tar-Red Devils reġgħet ġiet ittardjata wara li l-familja Glazer iddeċidiet li twaqqaf il-proċess b’mod temporanju ta’ dan il-ftehim. 

Il-biljunarju Brittaniku jinsab fix-xifer li jixtri sehem ta’ £1.4 biljun wara li l-uniku kompetitur tiegħu, Sheikh Jassim, irtira mit-taħditiet minħabba li ried jixtri l-ishma ta’ kulħadd biex ikun is-sid uniku tal-club. 

Il-ftehim ta’ Ratcliffe mal-Glazers kien mistenni li jiġi ffinalizzat din il-ġimgħa, iżda s-sidien Amerikani xorta jridu janalizzaw għadd ta’ fatturi importanti qabel jiffirmaw.

Sorsi qrib it-taħditiet isostnu li l-ftehim se jkun issiġillat matul il-ħmistax li ġejjin. Madankollu, persuna minn ġewwa l-club sostniet li teżisti possibbiltá kbira li xejn ma jkun finalizzat sal-bidu tax-xahar id-dieħel.

Ratcliffe għamilha ċara li jrid ikun res­ponsabbli mill-operazzjonijiet kollha tal- football u se jfittex li jdaħħal numru ta’ individwi biex jgħinuh fit-tmexxija ta’ kuljum tal-club. Dan ifisser li l-pożizzjonijiet tal-kap eżekuttiv, Richard Arnold, u d-direttur tal-football, John Murtough, jistgħu jkunu mhedda.

Fuq il-bord tad-diretturi tal-United hemm 12-il persuna li se jivvutaw fuq l-offerta ta’ Ratcliffe, iżda d-deċiżjoni fl-aħħar mill-aħħar se tkun tal-Glazers infushom. 

Is-sidien Amerikani bħalissa jikkontrollaw 69% tal-ishma tal-club, iżda għandhom 96% tad-drittijiet tal-vot minħabba l-istruttura kkumplikata tal-ishma.

Il-Glazers ilhom jkaxkru saqajhom minn meta poġġew lill-club għall-bejgħ f’Novembru tas-sena l-oħra, bit-tama li d-dewmien seta’ jqanqal lil Ratcliffe jew lil Sheikh Jassim biex iżidu l-offerti tagħhom. 

Fl-aħħar mill-aħħar il-valutazzjoni tagħ­hom tal-club qatt ma ntlaħqet, iżda l-offerta ta’ Ratcliffe għal sehem minoritarju, bil-ħsieb ta’ sjieda ta’ maġġoranza fil-futur, jidher li kienet addattata għalihom.

Ratcliffe, li trabba jappoġġa lit-team ta’ Manchester Uninted, jinsab ħerqan li jwettaq il-ftehim mill-aktar fis possibbli sabiex jieħu ħsieb l-operazzjonijiet tal-football fil-ħin għas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.

JISTA’ JKUN LI L-GLAZERS QED JILAGĦBU LOGĦBA?

Dan id-dewmien tal-Glazers biex jieħdu deċiżjoni dwar l-investiment ta’ Ratcliffe qed iqanqal xettiċiżmu u tħassib kbir fost il-partitarji tar-Red Devils. 

Dan minħabba li dan id-dewmien qed    ifisser li s-sidien Amerikani jistgħu jidde­ċiedu kontra li Ratcliffe jingħaqad magħ­hom. Fuq kollox għad m’hemm xejn kon­fermat jew iffirmat li Ratcliffe huwa eliġibbli għal proprjetá ta’ 25% fil-club ta’ Manchester United. 

S’issa kulħadd jaf li l-bankier Qatari, Sheikh Jassim, irtira mit-taħditiet kollha għax-xiri tal-club tal-United hekk kif beda jemmen li l-Glazers ma riedux ibiegħu. 

Huwa kien lest li jħallas id-dejn kollu f’daqqa, jibni stadium ġdid, jibni skwadra straordinarja kif ukoll kienet se tgawdi l-komunitá tal-madwar. 

Iżda x’jaħseb ix-Sheikh, x’jaħsbu l-partitarju u x’taħseb il-familja Glazer hemm baħar jaqsam. Fil-veritá, l-Amerikani ma jim­purtahomx x’kien se jagħmel il-bankier Qatari u l-pjani tiegħu biex jerġa’ jagħmel lir-Red Devils kompetittivi … dak li jimpurtahom biss huwa kemm se jdaħħlu flus meta jċedu s-sjieda tagħhom.  

Għaldaqstant, teżisti possibbiltá li l-Gla­zers jirtiraw ukoll mit-taħditiet ma’ Ratcliffe minħabba li dawn qed jippjanaw li jitilqu mill-club tliet snin oħra bil-konsegwenza li l-valur tal-club ikompli jikber. 

U ma tkun l-ebda sorpriża li x-Sheikh Jassim jerġa’ jidħol fix-xena wara li ġie umiljat mad-dinja kollha hekk kif l-offerta ta’ Ratcliffe kienet aktar applikabbli għal Glazers.

S’issa għadha ma ħarġet l-ebda aħbar li l-Qatari għamel xi mossa partikolari biex jixtri club ieħor … 

Sport