Thursday, May 16, 2024

Jieqaf jidħol l-iskart tal-boroż griżi u ħodor fl-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala

Aqra wkoll

Faċilità ġdida għall-irkupru tal-materjal riċiklabbli fil-Kumpless ECOHIVE bdiet tipproċessa skart riċiklabbli, biex b’hekk il-proċess mexa minn Marsaskala għall-Magħtab. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru din il-faċilità l-ġdida.

Il-faċilità se tkun qed tipproċessa mal-40,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli fis-sena u se tkun qed tissepara tipi differenti ta’ metall, kartun u plastik b’mod awtomatizzat sabiex ikun jista’ jiġi ritornat fis-suq bħala parti mill-ekonomija ċirkulari. Dan se jkun qed jikkontribwixxi wkoll sabiex jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ li għandu pajjiżna.

Dan l-investiment ta’ €4 miljun jfisser ukoll li l-Gvern jinsab pass eqreb biex iwettaq il-wegħda tiegħu mar-residenti ta’ Marsaskala, fejn se tkun qed tingħata lura lill-pubbliku medda ta’ art bħala spazju miftuħ.

Il-Ministru Dalli qalet li permezz ta’ dan l-investiment se tkun qed tiżdied kemm l-effiċjenza b’mod sinifikanti kif ukoll il-kwalità tal-materjal magħżul. Dan kollu se jgħin sabiex inkomplu nimxu lejn ekonomija ċirkolari u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.

“Din il-faċilità ġdida se tippermetti li jieqaf għal kollox l-ipproċessar tal-boroż griżi u ħodor minn ġewwa Marsaskala biex art f’Marsaskala tinbidel fi spazju aħdar biex jitgawda mill-pubbliku,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-investiment fuq din il-faċilità huwa ta’ €4 miljun, li minnhom madwar €1.45 miljun huma fondi Ewropej mill-Fond ta’ Koeżjoni.

“Sodisfatt li WasteServ setgħet twettaq dan il-proġett bis-saħħa tal-fondi Ewropej. Investiment li jkompli juri l-impenn ta’ dan il-Gvern fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna u se jgħin biex nsaħħu l-ekonomija ċirkolari li tkompli tagħti aktar prijorità lis-settur ambjentali,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.

Il-Kap responsabbli mill-Ekonomija Ċirkulari ta’ WasteServ Daniel Tabone spjega kif bħalissa għaddejin l-aħħar xogħlijiet sabiex tinfetaħ faċilità ġdida oħra ġewwa Ħal Far li se tkun qed taċċetta materjal goff bħal saqqijiet, tyres u injam sabiex ikun jista’ jiġi massimizzat il-valur ta’ din it-tip ta’ riżorsa. Huwa spjega wkoll kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi approvat il-pjan għad-dekummissjonar tal-faċilità tal-WasteServ f’Marsaskala.

Sport