Raġel li kien maħkum mill-vizzju tad-droga u li ammetta li 12-il sena ilu wettaq 28 serqa fuq perjodu ta’ tliet xhur, ma ntbagħatx il-ħabs wara li l-Qorti semgħet kif huwa ħadem bis-sħiħ biex joħroġ mill-vizzju.
Christopher Schembri ta’ 42 sena kien mixli b’sensiela ta’ serqiet li seħħew bejn Awwissu u Ottubru tal-2012, minn residenzi varji, lukandi u uffiċini minn San Ġwann, il-Gżira, San Ġiljan, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.
Seba’ mill-akkużi kienu relatati ma’ attentat ta’ serq. Schembri kien mixli wkoll li wettaq ħsara fil-proprjetà ta’ terzi u li kien riċediv.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi u talab sabiex il-każ jiġi deċiż mill-Qorti li tisma’ l-kawżi tad-Drogi, fejn wera x-xewqa li jidħol fi programm ta’ rijabilitazzjoni. Il-każ ġie riferut quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga u dan tal-aħħar sab li Schembri kien għamel dak kollu possibbli biex iwaqqaf il-vizzju.
Fid-dawl tal-isforzi tiegħu, il-Bord iddikjara l-każ ta’ Schembri bħala wieħed li ngħalaq b’suċċess. Intant, rappreżentant tal-Aġenzija Sedqa xehed kif Schembri kien qed isegwi l-programm ta’ rijabilitazzjoni tiegħu “b’mod eċċellenti u pożittiv.”
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li l-ħabs ma kien qed jagħmel l-ebda ġid fl-isforzi tal-akkużat biex jirrijabilita lilu nnifsu.
Schembri tpoġġa taħt probation għal tliet snin. Il-Qorti ddikjarat li l-kundanna ma kinitx sa tiġi rreġistrata fuq iċ-ċertifikat tal-kondotta tal-pulizija f’termini tal-Att dwar ir-Reati tad-Droga (Trattament mhux Priġunerija). Schembri ġie ordnat iħallas €102 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti.
L-Avukat David Gatt deher għal Schembri.