Wednesday, November 26, 2025

Jiffranka sentejn ħabs oħra mill-Qorti tal-appell wara li kien meħlus fuq attentat ta’ qtil minn ġuri

Aqra wkoll

Daniele Vitale, żagħżugħ Sqalli li kien għadda ġuri wara li kien akkużat b’attentat ta’ qtil li seta’ ġġib miegħu sa 40 sena ħabs u ġie lliberat minn dik l-akkuża, issa tneħħietlu l-piena effettiva ta’ sentejn ħabs li ġew sospiżi għal erba’ snin, wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti.

Il-Qorti tal-Appell rat li l-ġurati kienu sabuh ħati mhux ta’ attentat ta’ qtil, iżda ħati li weġġa’ gravi lil sieħbu Mirko Basile waqt li kien qed jiddefendi ruħu b’mod eċċessiv. Hu kien appella wkoll minn din is-sentenza.

Il-każ kien seħħ fl-2018, meta f’appartament f’San Ġiljan seħħ argument vjolenti bejn iż-żewġ Sqallin li kienu jgħixu flimkien.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-motiv tal-argument kien rabja minħabba li Basile rrifjuta li jgħin lil Vitale jirranġa l-problemi personali mal-ħabiba tiegħu. Fl-istess argument Basile safa milqut b’diversi daqqiet ta’ sikkina fil-fwied, fis-sider, fil-polz u fil-pala ta’ idu – ġrieħi li wassluh għal żewġ operazzjonijiet li poġġew ħajtu fil-periklu.

Basile kien mar mimli demm fl-għassa ta’ San Ġiljan u fejn kien irraporta li Vitale kien tah daqqa ta’ sikkina waqt li kien waħdu fil-kamra. Kien irraporta wkoll li hu kien ipprova jiddefendi ruħu b’ħadida tal-mogħdija sakemm irnexxielu jaħrab minn fuq il-post.

Fl-investigazzjonijiet tagħhom il-pulizija kienu sabu demm fil-komun u anke fl-appartament. Kienu nstabu wkoll żewġ skieken li allegatament kienu ntużaw waqt l-argument.

Waqt il-ġuri, il-ħabiba ta’ Vitale xehdet li rat lil Basile jħalli l-blokk ferut u li ftit wara deher Vitale sejjer fid-direzzjoni opposta.

Vitale mar waħda fl-għassa tal-Belt fejn ġie arrestat. 

Il-ġuri, b’vot ta’ sitta kontra tlieta, ma sabux ħati ta’ attentat ta’ qtil, iżda biss li weġġa’ gravi waqt difiża eċċessiva – kundizzjoni fejn persuna tkun qed tiddefendi ruħha imma tirreaġixxi b’forza aktar milli meħtieġ. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet kkundannatu sentejn ħabs effettivi, u anke kkundannatu għal perjodu ta’ probation.

Fl-Appell, il-Qorti qieset diversi fatturi fosthom li Vitale ma għandux fedina penali gravi, li llum qed jgħix ħajja stabbli, jaħdem u għandu l-appoġġ ta’ ommu li ġiet tgħix Malta miegħu, u li wera riforma personali billi ħalla l-vizzji warajh.

L-Imħallfin nnutat ukoll li l-verdett tal-ġurati kien fil-minimu assolut għall-ħtija tiegħu – sitt voti kontra tlieta – u li l-ġurija kienet ċaħdet l-akkuża ewlenija ta’ attentat ta’ qtil fuq il-bażi ta’ ‘self-defence’. Il-Qorti rrimarkat li anke wara l-verdett tal-ġuri, Vitale kien ingħata l-ħelsien mill-arrest – xi ħaġa mhux tas-soltu f’każijiet ta’ ġuri – minħabba l-valutazzjoni pożittiva tal-kondotta tiegħu.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-piena ta’ sentejn ħabs għandha tkun sospiza għal erba’ snin, minħabba li wettaq Vitale kien seħħ fil-kuntest kollu ta’ tensjoni u difiża, u mhux bħala att kriminali intenzjonat sabiex joqtol. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Vitale, filwaqt li għall-prosekuzzjoni dehru l-Avukati Ġenerali Kevin Valletta u Kaylie Bonett. Il-vittma kienet assistita mill-Avukat Peter Paul Zammit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport