Il-Malta Weightlifting fetaħ l-istaġun 2026 b’mod mill-aqwa fi tmiem il-ġimgħa li għadda, meta organizza l-ewwel kompetizzjoni tas-sena fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Weightlifting ġewwa l-Kulmpless Sportiv tal-Marsa. Parteċipazzjoni qawwija minn atleti ta’ kull kategorija ta’ età wasslet għal wirjiet impressjonanti u riżultati mill-aqwa.
L-aktar atleta li spikka kien Nathan Mifsud ta’ 16-il sena fil-kategorija tal-65kg. Mifsud wettaq kompetizzjoni perfetta b’sitt tentattivi suċċessivi minn sitta, fejn refa’ 101kg fl-isnatch u 120kg fil-clean and jerk. It-total tiegħu tah 330 punt u bih kiser ir-rekords nazzjonali kollha mill-kategorija taż-żgħażagħ sa dik tal-kbar, kisba straordinarja għal atleta ta’ età daqshekk żgħira.
Fil-livell elite, diversi atleti wkoll irreġistraw riżultati inkoraġġanti. Tenishia Thornton għamlet ritorn b’saħħtu wara l-injury li sofriet waqt il-Mediterranean Cup tas-sena li għaddiet. Hija wkoll temmet sitt tentattivi minn sitta, b’total ta’ 196kg biex kisbet l-aħjar riżultat fil-kategorija tan-nisa b’247 punt. Warajha spiċċat Kim Camilleri Lagana b’total sod ta’ 163kg u 235 punt.
Rylee Borg u Aaliyah Gatt, li wkoll jinsabu lura minn injuries, taw wirjiet pożittivi ferm. Borg refgħet total impressjonanti ta’ 255kg, filwaqt li Gatt temmet b’157kg. Fil-kategorija tal-juniors, Nathaniel Fenech irreġistra total ta’ 231kg u kiseb 292 punt, waqt li ż-żagħżugħ Nathan Balzan laħaq total ta’ 135kg għal 238 punt.
Fil-kategorija tan-nisa Under-17, Thea Demanuele wriet titjib notevoli b’total ta’ 101kg. Fil-kategorija tan-nisa Under-15, Emily Livori wkoll uriet progress sinifikanti meta temmet b’total ta’ 94kg. Fil-kategorija tal-irġiel Under-15, Gabiele żamm l-ewwel post b’total ta’ 165kg, filwaqt li fil-kategorija tan-nisa Under-12, Mia Sant żammet il-pożizzjoni ta’ quddiem b’total ta’ 78kg.
Din il-kompetizzjoni kkonfermat il-fond u t-talent li jeżistu fil-weightlifting Malti, b’riżultati pożittivi minn kważi l-parteċipanti kollha li juru d-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom fil-bidu tal-istaġun il-ġdid.
L-appuntament li jmiss għat-tim nazzjonali se jkun il-European Small Nations Championship, li se jsir fl-Iżlanda bejn l-14 u l-15 ta’ Marzu.

