Sunday, December 22, 2024

Jiftħu l-applikazzjoni għal SkolaSajf 2022

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) fetħet l-applikazzjonijiet għall-istudenti li jridu jattendu SkolaSajf 2022, servizz li jilqa’ t-tfal fl-iskejjel tul il-vaganzi tas-sajf waqt li l-ġenituri tagħhom ikunu x-xogħol. Li t-tfal ta’ ġenituri jaħdmu jkunu miġbura fi struttura edukattiva u sigura, minflok jiġġerrew fit-toroq jew joqogħdu l-ħin kollu quddiem screen id-dar, hija ta’ benefiċċju kbir b’mod speċjali għall-fatt li tul SkolaSajf jittellgħu ħafna attivitajiet interessanti u ta’ pjaċir għal din il-ġenerazzjoni żgħira. 

Din is-sena SkolaSajf se terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha għal eluf ta’ tfal hekk kif għamlet għal dawn l-aħħar snin fejn sena wara l-oħra, in-numru ta’ applikazzjonijiet dejjem qegħdin jiżdiedu.

It-tema ta’ SkolaSajf 2022 hija “Eroj tad-Dinja, Ingħaqdu” fejn it-tfal se jkollhom attivitajiet relatati bil-għan li flimkien naħdmu għal ambjent u soċjetà aktar sani. Din hija opportunità biex it-tfal jitrawmu bħala ċittadini responsabli lejn is-soċjetà u l-ambjent li jgħixu fih. L-istudenti li jattendu SkolaSajf jibbenefikaw minn programm mimli attivitajiet edukattivi informali u għal din is-sena wkoll, kull attività se ssir konformi mal-miżuri relatati mal-Covid-19 fiż-żmien li jsiru.

Is-servizz huwa offru għal tmien ġimgħat li jkopru bejn il-11 ta’ Lulju u jibqa’ għaddej sat-2 ta’ Settembru. Il-ġranet ta’ attendenza huma bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa u l-ħinijiet huma bejn it-8.30 ta’ filgħodu san-12.30 p.m. Is-servizz ta’ estensjoni fil-ħin li fih it-tfal jistgħu jibqgħu fl-istituzzjoni edukattiva se jkun offrut f’għadd ta’ ċentri u dan huwa disponibbli bi ħlas fil-ħinijiet ta’ bejn is-7.00 u 8.30 ta’ filgħodu u bejn in-12.30 u l-5.30 p.m.

L-applikazzjonijiet għal SkolaSajf 2022 bdew jintlaqgħu mil-lum u se jibqgħu miftuħin sat-2 ta’ Mejju li ġej.

Ekonomija

Sport