Tuesday, October 22, 2024

Jiftħu l-applikazzjonijiet biex atleti Għawdxin jikkompetu fl-Island Games 2025

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li fetħu l-applikazzjonijiet għal dawk l-atleti Għawdxin li jixtiequ jipparteċipaw fl-Island Games 2025.

“Wara l-ewwel avventura li kellna f’dawn il-kompetizzjonijiet u li fihom kellna prestazzjoni tajba, il-ministeru beda t-tħejjijiet biex kontinġent ieħor ta’ atleti jirrappreżenta lil Għawdex f’dawn il-logħob, li f’Lulju tas-sena d-dieħla ser jinżammu f’Orkney, fl-Iskozja. L-atleti se jkollhom l-appoġġ kollu tal-Gozo Island Games Association,” qal il-Ministru Camilleri.

“L-esperjenza Għawdxija f’Guernsey kienet waħda mill-isbaħ u f’Orkney, Team Gozo se jerġa’ jagħmel l-isforz kollu tiegħu sabiex ikompli jkollna suċċess. Illum qed jinfetaħ il-proċess tal-applikazzjonijiet, liema proċess ser jassigura li l-aqwa talent jiġi magħżul,” sostna l-Ministru Camilleri.

Fl-2023, Għawdex irnexxielu jirbaħ erba’ midalji, midalja tal-fidda fl-atletika u midalja tad-deheb, tal-fidda u oħra tal-bronż fl-isparar. Madanakollu, it-tiraturi Għawdxin mhux se jkunu jistgħu jipparteċipaw waqt l-Island Games 2025 hekk kif mhux se jkunu qed jiġu organizzati kompetizzjonijiet marbuta mal-isparar waqt il-logħob li se jsir f’Orkney.

L-atleti interessati għandhom japplikaw online fuq gozo.gov.mt sa mhux aktar tard mis-6 ta’ Settembru 2024. Bord tal-għażla mwaqqaf apposta ser janalizza kull applikazzjoni u se jara li l-applikanti magħżula jkunu laħqu l-kriterji stabbiliti. Dan jassigura li l-proċess ikun wieħed miftuħ u trasparenti.

Sport