Fetħu l-applikazzjonijiet għal dawk kollhali jixtiequ jieħdu sehem fir-raba’ staġun ta’ Love Island Malta.
Fi stqarrija, l-kumpanija Media Exclusive Ltd. li tieħu ħsieb il-produzzjoni qalet li Love Island Malta huwa l-aktar programm televiżiv segwit f’Malta, b’udjenzi matul il-ġimgħa li laħqu aktar minn 208,000 telespettatur. Qalet li dan il-programm televiżiv reali se jirritorna ikbar u aħjar minn qatt qabel.
F’messaġġ għall-kontestanti li se jieħdu sehem, it-tim tal-produzzjoni qal li Love Island huwa vjaġġ ta’ skoperta personali, esperjenzi, u l-ħolqien ta’ ħbiberiji ġenwini li jistgħu jibqgħu għaddejjin wara li jagħlqu l-bibien tal-villa. Il-parteċiċpanti se jiltaqgħu ma’ nies minn kull qasam tal-ħajja, joħolqu memorji ta’ darba, u jesperjenzaw sajf differenti minn kwalunkwe ieħor.
Il-koppja rebbieħa se tieħu d-dar aktar minn sempliċi memorji indimentikabbli, iżda wkoll premju fi flus ta’ €20,000.
L-applikazzjonijiet huma disponibbli fuq www.loveislandmalta.tv, u individwi single ta’ bejn it-18 u l-35 sena huma mħeġġa japplikaw.



