Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li l-applikazzjonijiet għall-iskema tal-first time buyers jinsabu miftuħin.
Il-Ministru Galdes ħeġġeġ lill-first time buyers, inkluż liż-żgħażagħ, sabiex japplikaw għal din l-iskema li qiegħda tħalli fil-bwiet tal-first time buyers elf fis-sena għal għaxar snin, b’total ta’ €10,000. Il-Ministru spjega kif mill-introduzzjoni ta’ din l-iskema, lura fl-2023, 4,909 first time buyer diġà bbenefikaw minn din l-iskema u f’Ġunju se jerġgħu jirċievu €1,000 oħra. Dawn huma first time buyers li xtraw il-proprjetà tagħhom permezz ta’ home loan fl-2022 u 2023. Għaldaqstant, minn dawn il-first time buyers, hemm madwar nofshom li rċevew l-ewwel pagament, filwaqt li madwar in-nofs l-ieħor diġà rċevew żewġ pagamenti.
Madwar 2600 first time buyer huma eliġibbli sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema għall-ewwel darba din is-sena, hekk kif huma xtraw proprjetà fl-2024. Madwar 64% minnhom diġà applikaw għal din l-iskema. Il-Ministru ħeġġeġ lil dawk kollha li għadhom ma applikawx sabiex jagħmlu dan sal-aħħar ta’ April billi japplikaw mal-Awtorità tad-Djar sabiex jirċievu l-ewwel pagament tagħhom f’Ġunju li ġej.
L-investiment li wettaq dan il-Gvern fuq din l-iskema fis-sena li għaddiet ammonta għal madwar €4.7 miljun. Filwaqt li l-investiment fuq din l-iskema mill-introduzzjoni tagħha sal-lum jaqbeż is-€7 miljun. Il-Ministru sostna li dan l-investiment qiegħed ikompli jżid il-purchasing power tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Ministru Galdes kompla li l-iskema tal-First Time Buyer mhix l-unika skema li qiegħda toffri l-Awtorità tad-Djar li biha qed jiżdied il-purchasing power tal-poplu. F’dan ir-rigward aċċenna għal studju li wettqet l-Awtorità tad-Djar dwar dan is-suġġett, li minnu jirriżulta li skema oħra li qed japplikaw ħafna għaliha hija dik tal-Għotja fuq l-Ewwel Residenza, liema skema tassisti fit-tlestija tal-ewwel propjetà fejn tipprovdi assistenza finanzjarja sa massimu ta’ €5,824 lill-first time buyers.
Dan l-istudju wera wkoll li apparti l-iskema tal-First Time Buyers, iktar minn 2 familji kuljum kienu assistiti permezz tal-iskemi eżistenti li bihom saħħew il-purchasing power ta’ dawn il-familji u raw qabża fil-kwalità tar-residenza tagħhom.
“Għandna skemi li bihom ngħinu lill-familji jsiru sidien ta’ darhom, skemi oħrajn li bihom insaħħu l-purchasing power tal-familji, kemm fl-ewwel snin wara li jixtru proprjetà kif ukoll b’assistenza iktar ’il quddiem fil-ħajja tagħhom. Dan sabiex kulħadd ikollu aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u ta’ kwalità għolja, li jħares id-dinjità tal-persuni, kif ukoll il-bżonnijiet partikolari ta’ kull familja,” ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, sostna li l-profil tal-First-Time Buyers qiegħed dejjem jevolvi. Kompla li mill-applikazzjonijiet li qed jirċievu jirriżulta li aktar minn nofs l-applikanti qed jagħżlu li jixtru proprjetà waħedhom. “L-Awtorità tad-Djar bi prijorità qed tassigura li l-familji jsibu biżżejjed sapport u opportunitajiet biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom,” temm jgħid is-Sur Zerafa.