Sunday, December 22, 2024

Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2025

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li fetħu l-applikazzjonijiet għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2025 li ser isir bejn is-Sibt 22 ta’ Frar u t-Tlieta 4 ta’ Marzu 2025. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online sat-16 ta’ Awwissu 2024,  min fuq is-sit gozo.gov.mt.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-għan ta’ din l-edizzjoni hu li mhux biss ikompli jkabbar din l-ikbar manifestazzjoni kulturali f’Għawdex, imma aktar min hekk, isaħħaħ il-parteċipazzjoni f’din il-festa ta’ kuluri, briju u arti. “Sabiex nassiguraw li mhux biss naslu s’hawn, imma nilħqu aspettattivi oħra, din is-sena l-organizzazzjoni tal-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex għaddiet f’idejn it-tim Events in Gozo, fi ħdan id-Direttorat tal-Wirt Kulturali,” sostna l-ministru.

Il-ministru qal ukoll li dan ma kienx l-uniku pass li ħa l-ministeru biex isaħħaħ din l-attività hekk importanti fil-kalendarju kulturali Għawdxi. Fakkar kif lura f’April ta’ din is-sena, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar nieda skema ta’ għajnuna finanzjarja sabiex jinkera fond li fih jinbnew karrijiet jew maskri grotteski għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex.

Il-ministru kkonkluda billi qal li dan kollu hu xhieda tal-impenn biex mhux biss nassistu, imma nsaħħu t-tradizzjonijiet uniċi li nsibu f’pajjiżna u li huma minnhom infushom attrazzjonijiet li jagħmluna poplu distint u li jattiraw lejhom eluf ta’ viżitaturi kemm lokali kif ukoll internazzjonali kull sena.

Fuq is-sit elettroniku wieħed isib mehmuż l-Applikazzjoni, il-Linji Gwida u r-Regolamenti.

Ekonomija

Sport