Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li fetħu n-nominazzjonijiet għall-11-il edizzjoni tal-Gozo Sports Awards fejn għal sena oħra, sportivi Għawdxin ser jiġu ppremjati għall-avvanzi tagħhom f’diversi dixxiplini sportivi.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-Gozo Sports Awards jibqgħu pjattaforma importanti biex jingħata rikonoxximent mistħoqq lill-isportivi Għawdxin li, b’dedikazzjoni u impenn, ikomplu jgħollu isem Għawdex f’diversi dixxiplini sportivi, kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali. Huwa kompla jgħid li “dawn l-unuri mhux biss jiċċelebraw is-suċċess, iżda jservu wkoll ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jinvolvu ruħhom aktar fl-isport u fi stil ta’ ħajja attiv. Huwa għalhekk li bħala Gvern ridna li lill-atleti tagħna nagħtuhom faċilitajiet state of the art fejn jistgħu jagħmlu t-taħriġ tagħhom, bħalma huwa l-Padiljun Sportiv u Akkwatiku li qegħdin fih illum. Iżjed minn hekk, faċilitajiet li qegħdin jitgawdew minn nies ta’ kull età.”
L-organizzazzjonijiet sportivi huma mistiedna jissottomettu n-nomini tagħhom għal waħda jew aktar mill-kategoriji bbażati fuq wirjiet u kisbiet fis-sena 2025 f’avvenimenti li seħħew f’Għawdex, f’Malta jew barra minn Malta.
Il-kategoriji li se jkunu ppremjati huma:
- Uffiċjal tas-sena: persuna li sservi fl-amministrazzjoni f’Assoċjazzjoni, Klabb jew avveniment;
- Kowċ tas-Sena: persuna kwalifikata li kienet ingaġġata minn Assoċjazzjoni, Klabb jew selezzjoni reġjonali;
- It-Tim tas-Sena: tim li rrapreżenta lil Għawdex jew Klabb lokali;
- Rikonoxximent għal Atleta attiv ‘l fuq minn 45 sena (magħżul mid-Direttorat tas-Servizzi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar);
- Rikonoxximent għal Karriera Sportiva: (magħżul mid-Direttorat tas-Servizzi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar);
- Rikonoxximent Speċjali Special Olympics (magħżul mid-Direttorat tas-Servizzi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar);
- Żagħżugħa promettenti: Żagħżugħa ta’ mhux aktar minn 21 sena li rrappreżentat lil Għawdex jew Klabb lokali;
- Żagħżugħ promettenti: Żagħżugħ ta’ mhux aktar minn 21 sena li rrappreżenta lil Għawdex jew Klabb lokali;
- Sportiva tas-Sena: Sportiva mhux nominata fil-kategorija Żagħżugħa Promettenti li rrappreżentat lil Għawdex jew Klabb lokali; u
- Sportiv tas-Sena: Sportiv mhux nominat fil-kategorija Żagħżugħ Promettenti li rrappreżenta lil Għawdex jew Klabb lokali.
Individwi jistgħu jinnominaw individwu ieħor biss meta ma jkunx hemm organizzazzjoni sportiva rispettiva. Fejn hemm organizzazzjoni sportiva, in-nominazzjonijiet ma jistgħux jiġu sottomessi minn individwi. Organizzazzjoni sportiva tista’ tissottometti nomina waħda biss f’kull kategorija. L-individwi ma jistgħux jinnominaw lilhom infushom.
L-applikazzjonijiet, fetħu llum, it-Tnejn 16 ta’ Frar 2026, u jistgħu jimtlew online fuq mygozo.gov.mt jew minn fuq gozo.gov.mt. Dawn għandhom jiġu sottomessi sa nofsinhar ta’ nhar it-Tnejn, 9 ta’ Marzu 2026. Ir-riżultati ser jitħabbru waqt is-serata finali ser issir nhar l-Erbgħa, 15 ta’ April, 2026.

