Tħabbar il-ftuħ tan-nominazzjonijiet għall-Premju Soċjetà Ġusta u l-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat ta’ din is-sena.
Il-Premju Soċjetà Ġusta huwa intiż biex jirrikonoxxi u jiċċelebra l-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ individwi u organizzazzjonijiet li ħallew impatt pożittiv fil-qasam tad-diżabilità, filwaqt li l-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat jagħti rikonoxximent lil persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur tal-volontarjat, u fejn bil-kontribuzzjonijiet tagħhom huma jagħmlu soċjetà aħjar.
Il-ftuħ tan-nominazzjonijiet tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Għal din is-sena, Premju Soċjetà Ġusta se jinkludi tliet kategoriji ewlenin:
- Premju lil għaqda volontarja għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni;
- Premju għal Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità;
- Premju Soċjetà Ġusta għal individwu b’diżabilità li ħalla marka pożittiva fuq is-settur.
Il-Bord tal-evalwazzjoni se jikkunsidra n-nominazzjonijiet kollha li jiġu sottomessi skont ir-regolamenti stabbiliti, b’attenzjoni partikolari għall-impenn lejn id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-kontribut tagħhom għall-ħajja ekonomika, ċivika u soċjali.
Il-formoli ta’ nominazzjoni huma disponibbli online fuq www.inkluzjoni.gov.mt jew jistgħu jintbagħtu bil-posta elettronika fuq [email protected]. Huwa possibbli wkoll li jiġu sottomessi direttament fl-uffiċċju tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, 89, Palazzo Francesco, Triq Sir Ugo Mifsud, Lija.
In-nominazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Settembru 2025, f’nofsinhar. Dawk in-nominazzjonijiet li jaslu wara din id-data mhumiex se jiġu kkunsidrati.
Min-naħa l-oħra, il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat, li qiegħed ikun organizzat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, se jkun qiegħed jagħti ġieħ lill-persuni u organizzazzjonijiet li b’dedikazzjoni u kuraġġ jagħtu kontribut kbir f’dan is-settur.
Il-premju prinċipali jagħraf il-figura ta’ voluntier individwali li bil-ħidma tiegħu jew tagħha, kien ta’ ispirazzjoni u ħalla impatt pożittiv fil-komunità.
Barra minn hekk, hemm diversi kategoriji oħra, fosthom:
- Premju Nazzjonali għal Organizzazzjoni Volontarja;
- Premju għal Kumpanija Privata li turi appoġġ sostanzjali lejn il-volontarjat;
- Premju Voluntier Żagħżugħ/a għal dawk bejn is-16 u t-30 sena;
- U l-Victor Calvagna Children Volunteer Award, għall-voluntiera ta’ bejn 10 u 15-il sena.
Se jiġi ppreżentat ukoll premju speċjali għas-Servizz Volontarju u, għat-tieni sena, Premju għall-Proġett tas-Sena.
Din l-inizjattiva qed issir ukoll fil-kuntest tal-preparazzjonijiet għas-Sena Internazzjonali ddedikata għall-volontarjat fl-2026, fejn Malta se tkun qiegħda tkompli tpoġġi fuq quddiem il-valuri tal-parteċipazzjoni attiva, il-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni bħala pilastri fundamentali ta’ soċjetà aktar ġusta u solidali.
Il-formoli ta’ nominazzjoni għall-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat huma disponibbli fuq il-portal vofunding.org.mt, u għandhom jiġu sottomessi sal-Ġimgħa, 17 ta’ Ottubru 2025 f’nofsinhar. Iċ-ċerimonja uffiċjali ssir fl-4 ta’ Diċembru 2025, fil-kuntest tal-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat imfakkar globalment l-għada l-5 ta’ Diċembru.
Il-Ministru Julia Farrugia saħqet li t-tnedija ta’ dawn iż-żewġ attivitajiet jibgħat messaġġ. “Il-fatt li llum qed inħabbru mhux premju wieħed imma tnejn, huwa xhieda ċara tal-impenn tal-Gvern biex jagħraf u jippremja l-valuri tal-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u l-inklużjoni. Dawn il-premjijiet mhumiex biss ċerimonji ta’ tifħir, iżda huma wkoll messaġġ politiku qawwi li pajjiżna japprezza u jħaddan lil dawk kollha li, b’sagrifiċċju u dedikazzjoni, jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ oħrajn. Inħeġġeġ lil kulħadd sabiex jagħti l-kontribut tiegħu billi jinnomina dawk il-persuni u l-għaqdiet li huma verament mudell ta’ kuraġġ u impenn. Huwa permezz ta’ dawn l-istejjer ta’ suċċess u determinazzjoni li bħala pajjiż insaħħu t-tama f’futur aktar ġust u aktar solidali.”