Tuesday, December 24, 2024

Jiftħu tliet flyovers ġodda tal-Marsa Junction Project

Aqra wkoll

Il-Ħadd waranofsinhar, Infrastructure Malta fetħet tliet flyovers ġodda tal-Marsa Junction Project, hekk kif dan il-proġett ta’ €70 miljun issa daħal fl-aħħar fażijiet tiegħu.

Dawn it-tliet strutturi ta’ flyovers qed jipprovdu konnessjonijiet diretti ġodda minn Triq Aldo Moro, il-Marsa, għal żewġ rotot ewlenin lejn in-nofsinhar li jingħaqdu f’din il-junction. L-ewwel tnejn mit-tliet strutturi ta’ flyovers magħqudin flimkien jeħduk mill-Marsa lejn Vjal Santa Luċija, li dan l-aħħar reġgħet infetħet fid-direzzjoni tan-nofsinhar lejn Santa Luċija u Triq Tal-Barrani, Ħal Tarxien. Vjal Santa Luċija kienet ingħalqet aktar kmieni din is-sena bħala parti mill-istess proġett u dak tal-mini li qed jinbnew iktar ‘il fuq fl-istess rotta taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.

It-tielet struttura ta’ flyover tgħaqqad Triq Aldo Moro ma’ Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni ta’ Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport u l-Mini ta’ Ħal Kirkop. Din il-flyover tipprovdi żewġ korsiji diretti bejn dawn iż-żewġ toroq u telemina d-djuq fil-korsiji li kien hemm fil-korsiji temporanji li servew għal din il-konnessjoni minn meta sena ilu l-aġenzija fetħet l-ewwel flyovers tal-proġett. 

Bil-ftuħ tat-tliet flyovers ġodda lejn in-nofsinhar Infrastructure Malta se tkun tista’ tuża t-tliet flyovers l-oħrajn, li tlestew is-sena l-oħra, fid-direzzjoni proprja tagħhom lejn it-tramuntana. Sal-Ħadd li għadda dawn kienu qed jintużaw fid-direzzjoni opposta, bħala rotot lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż. Dawn il-flovers issa huma magħluqin għal ftit ġimgħat sabiex il-kuntratturi tal-proġett jiksuhom bl-aħħar saff t’asfalt, jinstallawlhom l-expansion joints u jagħmlulhom il-marki tal-linji u t-tabelli meħtieġa biex jindikaw id-direzzjoni finali tagħhom.

Aktar tard dan ix-xahar, Infrastructure Malta se tiftaħ ukoll il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija, minn Santa Luċija lejn il-Marsa. L-aġenzija mbagħad tkun tista’ tiftaħ ukoll is-seba’ (u l-aħħar) struttura ta’ flyover tal-junction ġdida tal-Marsa. Din il-flyover, li tlestiet ftit ġimgħat ilu, se tgħaqqad il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija maċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-inħawi fejn se ssir l-faċilità ta’ park and ride bħala parti mill-istess proġett, lejn Triq il-Gvern Lokali fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi (fejn hemm iċ-Ċimiterju tat-Torok). 

It-tliet flyovers ġodda li Infrastructure Malta lestiet din il-ġimgħa jinkludu 1.3 kilometri mit-12-il kilometru ta’ korsiji ġodda tal-Marsa Junction Project. L-ewwel struttura ta’ flyover titla’ mit-tarf tal-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Aldo Moro. Il-gverta tagħha wiesa 13-il metru biex minn fuqha jgħaddu 3 korsiji f’tul ta’ 62 metri sakemm taqbad maż-żewġ strutturi tal-flyovers l-oħrajn. It-tieni flyover twila 132 metru għandha tliet rampi biex toħroġ minnha. Waħda mir-rampi tieħdok fl-inħawi ta’ Triq il-Palma f’Raħal Ġdid, oħra biex tibqa’ sejjer dritt għal Vjal Santa Luċija, waqt li t-tielet waħda twasslek għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata u nħawi oħrajn fil-viċin. It-tielet struttura ta’ flyover hija pont tal-azzar għat-tond twil 90 metru fid-direzzjoni ta’ Triq Garibaldi.

It-tliet strutturi ta’ flyovers iserrħu fuq 20 kolonna tal-konkos, imwieżna minn 116-il kolonna (piles) imdeffsin żewġ sulari taħt l-art. L-istruttura tal-ewwel żewġ flyovers tinkludi 83 travu tal-konkos, waqt li t-tielet struttura hija ffurmata minn erba’ travi tal-azzar ta’ 67 metru ‘l wieħed. It-tliet flyovers jingħaqdu flimkien bi pjattaforma magħmula minn seba’ travi ta’ 26 metru ‘l wieħed.   

It-tliet flyovers jinsabu fil-livell tan-nofs tal-junction il-ġdida, bit-tliet flyovers li nbnew is-sena l-oħra seba’ metri ‘l fuq minnhom, u diversi toroq ġodda għaddejjin mal-art seba’ metri u nofs taħthom.

Miexi ġmielu wkoll ix-xogħol fuq il-bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, il-faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq li wkoll qegħdin isiru bħala parti mill-proġett. Madwar din l-infrastruttura ġdida, Infrastructure Malta qed tifforma diversi żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar ġodda u erba’ xogħlijiet artistiċi kbar. Qed tibni ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħażna ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija ta’ dawn iż-żoni mħaddrin. Il-kuntratturi tal-proġetti qed ipoġġu aktar minn 13-il kilometru ta’ servizzi taħt l-art, fosthom pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma u katusi għad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita.

Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.  Dan l-investiment jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, biex joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm bis-sistema ta’ traffic lights tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqos it-tniġġis tal-arja mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar.

Ekonomija

Sport