Tuesday, December 24, 2024

Jiġbru aktar minn 500 kilo ta’ xbieki tas-sajd u 16-il borża ta’ skart

Aqra wkoll

The Convenience Shop ikkonkludiet b’suċċess l-attività ta’ tindif tal-baħar u tal-kosta b’kollaborazzjoni mal-NGO ambjentali, Coast is Clear. L-isforz konġunt ġabar flimkien għadd ta’ membri tal-istaff minn dipartimenti, ħwienet u nazzjonalitajiet differenti fi ħdan il-Kumpanija, u għaqqad l-impenn tagħhom għall-preservazzjoni ambjentali. L-inizjattiva ta’ tindif saret fir-reġjun tat-Tramuntana ta’ Malta, fosthom il-bajjiet ta’ Fomm ir-Riħ, Paradise Bay u postijiet oħra tul il-kosta.

Coast is Clear hi NGO iddedikata biex tipproteġi l-ibħra u l-kosti tagħna mit-tniġġis, u s-sħubija tagħha ma’ The Convenience Shop tirrifletti viżjoni kondiviża li jieħdu ħsieb l-ekosistemi tal-baħar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Taħt il-gwida ta’ Mark Galea Pace, il-fundatur ta’ Coast is Clear, l-ekwipaġġ magħmul minn individwi minn diversi nazzjonalitajiet iżda kollha parti minn The Convenience Shop Group, imbarkaw għall-missjoni marittima tagħhom ta’ tindif. Dan it-tim multinazzjonali kkollabora flimkien biex inaddfu żoni ħdejn ix-xatt li huma inaċċessibbli mill-art, kif ukoll postijiet strateġiċi fejn il-kurrenti tal-baħar jakkumulaw l-iskart b’mod naturali.

Waqt it-tindif, aktar minn 500 kilogramma ta’ xbieki tas-sajd u 16-il borża ta’ skart inġabru u tneħħew mill-baħar u mix-xatt. L-iskart irkuprat kien jinkludi firxa ta’ oġġetti mormija, fosthom xbieki tas-sajd imqattgħin, tajers, kontenituri tal-plastik, u diversi plastiks li jintużaw darba biss. Fost affarijiet oħra, din l-attivita’ ġibdet l-attenzjoni dwar il-perikli li xbieki tas-sajd abbandunati jew mitlufin (ghost nets) jibqgħu joħolqu fil-baħar.

Andrew Attard, Assistent Eżekuttiv tad-Diretturi ta’ The Convenience Shop saħaq, “Aħna kburin immens bl-impenn muri mill-istaff tagħna f’din il-kollaborazzjoni ma’ Coast is Clear. Is-suċċess ta’ dan l-isforz jenfasizza d-dedikazzjoni tagħna biex nieħdu rwol attiv fis-salvagwardja tal-ambjent naturali tagħna. The Convenience Shop temmen fil-azzjoni kollettiva u se nkomplu norganizzaw kampanji ta’ tindif u inizjattivi sostenibbli.”

L-iskart kollu miġbur ġie mormi b’mod responsabbli, b’konformità mal-impenn kondiviż ta’ The Convenience Shop u Coast is Clear għall-amministrazzjoni ambjentali.

Ekonomija

Sport