Il-midja Taljana qed tirrapporta li ġġarraf il-pont ta’ Caprigliola, pont importanti li jgħaqqad lill-belt ta’ La Spezia ma’ dik ta’ Massa.
Jidher li fil-mument meta ġġarraf il-pont, kienu għaddejjin minn fuqu żewġ vetturi. B’xorti tajba ħadd ma miet f’dan l-inċident, għalkemm rapporti qed jgħidu li wieħed mis-sewwieqa tal-vetturi sofra xi ġrieħi.
Jidher li kienu l-miżuri meħudin mill-Gvern Taljan biex jilqa’ kontra l-imxija tal-coronavirus li wassal biex tkun evitata traġedja, hekk kif issoltu dan il-pont jgħaddu minn fuqu bosta vetturi. Madankollu bil-lockdown li ordna l-Gvern, it-traffiku fit-toroq naqas drastikament.




