Sunday, June 1, 2025

Jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ħalib b’differenza, f’Għawdex

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ħalib li jiġi ċċelebrat fl-1 ta’ Ġunju, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Malta Food Agency, il-Koperattiva tal-Produzzjoni tal-Ħalib (KPH) u l-Benna, organizza attività edukattiva speċjali fuq razzett f’Għawdex.

L-attività laqgħet tfal mill-Iskola Primarja tax-Xewkija, li kellhom l-opportunità jiskopru b’mod dirett minn fejn jiġi l-ħalib frisk li nixorbu kuljum, kif ukoll jitgħallmu dwar il-baqar u r-rwol tagħhom fil-proċess tal-produzzjoni tal-ħalib. It-tfal ħadu sehem f’attivitajiet prattiċi li żiedu l-għarfien tagħhom dwar is-sors ta’ dan il-prodott nutrizzjonali tant importanti għall-iżvilupp tagħhom.

Il-Ministru Anton Refalo, li kien preżenti għall-attività spejga kif “Jum bħal dan ifakkarna li l-ħalib mhux biss hu prodott essenzjali għas-saħħa tagħna, imma jifforma wkoll parti mill-identità agrikola tagħna. Meta nrawmu apprezzament fost it-tfal, inkunu qed nibnu futur b’aktar rispett lejn il-biedja u l-prodott lokali.”

F’kumment separat, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency Brian Vella saħaq fuq l-importanza li nkomplu nappoġġjaw lir-raħħala tagħna u nrawmu minn età żgħira kultura ta’ ikel b’saħħtu u lokali. Huwa żied jgħid li meta nixtru u nikkonsmaw prodott Malti, inkunu qed nagħtu valur lil dak li hu verament tagħna, magħmul b’reqqa u b’sens ta’ kburija.

Il-Ministeru jirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex din l-attività tkun suċċess, b’mod partikolari lill-Malta Food Agency, lil KPH u lil Benna, li flimkien wasslu esperjenza edukattiva u memorabbli għat-tfal f’ambjent agrikolu awtentiku.

Fl-istess waqt, il-Ministeru jagħti rikonoxximent u ringrazzjament speċjali lil kull raħħal għall-ħidma bla heda li jwettqu tul is-sena kollha sabiex jassiguraw ħalib frisk ta’ kwalità għolja fuq il-mejda tagħna, mhux biss illum, imma kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport