Saturday, December 28, 2024

Jiġi ffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

Il-Ministri Ian Borg u José Herrera żaru l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali fejn ġie ffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastuttura u l-Proġetti Kapitali, u din l-assoċjazzjoni.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg saħaq li matul dawn l-aħħar snin dan il-gvern kien dejjem minn ta’ quddiem sabiex jisma’ u jkun ta’ spalla għall-kunsilli lokali kollha madwar pajjiżna.

“L-istess jista’ jintqal għad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li kontinwament jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom madwar pajjiżna kif ukoll joffru l-għajnuna fejn hu meħtieġ lill-kunsilli lokali f’dawk li huma xogħlijiet fuq bosta livelli fosthom dawk komunitarji bħalma huma spazji miftuħa għall-pubbliku, xogħlijiet fuq binjiet pubbliċi, xogħlijiet ta’ tiswija kif ukoll restawr. B’hekk inħasset il-ħtieġa li permezz ta’ dan il-ftehim li se jiġi ffirmat se nkunu qed nissiġillaw din ir-relazzjoni tajba għal ħames snin li ġejjin u ninsabu kommessi li nżommu l-impenn tagħna sabiex din ir-relazzjoni tibqa’ tinżamm b’saħħitha għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”, sostna il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u il-Gvern Lokali Herrera qal, “Dan il-ftehim huwa importanti ħafna għaliex jikonvalida dak li bħalissa jiġri fejn minn żmien għal żmien, bil-kunsilli lokali jirrikkoru għand entitajiet tal-Gvern fosthom il-Public Works biex jsiru xi xogħolijiet fl-irħula u l-ibliet tagħna,” saħaq il-Ministru Herrera. Huwa kompla li “dan il-ftehim huwa importanti wkoll għaliex b’dan il-mod il-Kunsilli Lokali qed jinvolvu ruħhom b’mod dirett fi proġetti kapitali u meta jiġu kkunsidrati r-riżorsi tal-kunsilli, dejjem hemm il-bżonn tal-Gvern Ċentrali f’dawn il-proġetti.”

Il-Ministru Herrera semma wkoll li d-Direttorat tal-Gvern Lokali joħroġ skemi wkoll għall-kunsilli lokali fejn l-istess kunsilli li jkunu eliġibbli jingħataw fondi sabiex jkunu jistgħu jmantnu x-xogħolijiet kapitali li jsiru fil-lokal tagħhom.

Is-CEO tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali s-Sur Mario Fava qal li permezz ta’ dan il-ftehim, l-assoċjazzjoni, flimkien mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, se tkun qed tħares primarjament biex timplimenta xogħlijiet u proġetti fil-lokalitajiet bħal tiswijiet kif ukoll dawk infrastrutturali biex b’hekk kull lokalità tkun tista’ tibbenefika minn din il-ħidma kollettiva.

Ekonomija

Sport