Ġie inawgurat Ġnien il-Ward f’Pembroke li jinsab biswit Dar Warda, ġnien inklussiv u sensorjali bil-għan li jħeġġeġ aktar tagħlim permezz ta’ parteċipazzjoni dirett fejn jidħol xogħol ta’ ġardinaġġ u esperjenza diretta man-natura.
Ġnien il-Ward huwa spazju miftuħ f’ambjent sigur u aċċessibbli fejn ir-residenti jieħdu ħsieb dan il-ġnien b’mod attiv fil-kultivazzjoni ta’ diversi ħxejjex li qegħdin fi planters magħmulin minn materjali riċiklat.
Il-ġnien ġie inawgurat mill-Ministru Miriam Dalli u l-Ministru Julia Farrugia flimkien mat-tim ta’ Project Green, Aġenzija Sapport, il-kunsill lokali ta’ Pembroke u r-residenti ta’ Dar Warda.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li Ġnien il-Ward jirrappreżenta dak li għandhom ikunu l-ispazji komunitarji – postijiet mibnija fuq l-ideat tal-pubbliku biex imbagħad igawduhom. “Permezz tas-sostenibbiltà u l-parteċipazzjoni, dan il-ġnien juri kif il-proġetti ambjentali bħal dawn jistgħu jsaħħu l-benesseri u d-dinjità. Dak li jagħmel lil Ġnien il-Ward tassew speċjali huwa li r-residenti stess se jkunu qed jieħdu ħsieb dan il-ġnien, fejn bil-parteċipazzjoni tagħhom, jidher biċ-ċar kif l-ispazji miftuħa huma ta’ kulħadd, minkejja l-abbiltajiet tagħhom. Flimkien, qed nibnu futur fejn il-komunitajiet mhux biss igawdu n-natura, iżda jipproteġu u jipparteċipaw b’mod attiv. Ġnien il-Ward ifakkarna kif meta ninvestu fi spazji ħodor, inkunu qed ninvestu f’kommunitajiet b’saħħithom, bijodiversità aktar b’saħħitha, u futur aħjar. Dan il-ġnien jingħaqad ma’ proġetti oħra simili li qed inwettqu, bħala simbolu ħaj ta’ inklużjoni u tama,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Julia Farrugia faħħret l-ftuħ ta’ Ġnien Warda u qalet li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu noħolqu spazji inklussivi u sostenibbli għal kulħadd. “Permezz ta’ dan il-ġnien, qed noffru ambjent sigur u aċċessibbli fejn ir-residenti ta’ Dar Warda jistgħu jieħdu sehem fit-tħawwil u l-kura tal-pjanti, filwaqt li jitgħallmu ħiliet ġodda u jiżviluppaw kunfidenza u sens ta’ responsabbiltà. Din il-kollaborazzjoni interministerjali tagħmilha possibbli biex noħolqu aktar spazji ħodor u aċċessibbli, mhux biss f’żoni li jospitaw ċentri jew residenti tal-Aġenzija Sapport, iżda wkoll biex nibnu ponti ta’ inklużjoni bejn il-klijenti tal-aġenzija u l-komunitajiet residenzjali madwar Malta. Dan huwa mudell li jsaħħaħ il-komunità kollha kemm f’Pembroke kif ukoll fil-bqija tal-pajjiż,” temmet tgħid il-Ministru.
Ġnien il-Ward jenfasizza l-parteċipazzjoni soċjali, l-involviment sensorjali u sens komunitarju. Residenti se jipparteċipaw f’diversi attivitajiet fosthom tagħlim ta’ kif jieħdu ħsieb dawn il-pjanti, il-ħsad u s-sostenibbiltà, filwaqt li jsaħħu ħiliet fejn jidħol teamwork, kunfidenza u sens ta’ responsabiltà. Fi Ġnien il-Ward issib pjanti jittieklu, ward u siġar żgħar magħżula b’attenzjoni biex jirriflettu l-identità u l-ispirtu ta’ Dar Warda. Dawn l-elementi joffru mogħdijiet b’diversi kuluri u rwejjaħ u jsebbħu dan il-ġnien. F’dan il-ġnien hemm planters iddisinjati biex jintużaw ukoll bħala bankijiet – iservu bħala sorsi ta’ ikel sostenibbli filwaqt li jinkoraġġixxu l-involviment regolari fil-ġardinaġġ.

F’dan il-proġett ġew indirizzati diversi sfidi, fosthom l-aċċessibilità, li jilqa’ fih nies b’abbiltajiet sensorjali differenti, appoġġ lill-individwi b’tagħlim limitu fejn jidħol ġardinaġġ u l-assigurazzjoni tal-kura fit-tul tal-pjanti. Permezz ta’ gwida strutturata u appoġġ kontinwu, ir-residenti b’suċċess adottaw rwoli differenti għaż-żamma ta’ dan il-ġnien – impenn fejn isaħħaħ aktar il-parteċipazzjoni.
Is-siġar u l-arbuxelli li għadhom kif ġew imħawwla – għalkemm għadhom żgħar – huma pożizzjonati biex jipprovdu dell u karattru staġjonali hekk kif jimmaturaw, u gradwalment jiffurmaw lil Ġnien il-Ward f’kenn naturali seren.
Il-Perit Cheryl Camilleri minn Project Green enfasizzat li l-inizjattiva tmur lil hinn mis-sostenibbiltà, iżda l-aċċessibilità u l-inklużjoni kienu parti ċentrali f’dan il-proġett. “B’dan il-proġett, ridna kull resident, irrispettivament mill-età jew l-abbiltà, igawdi esperjenza diretta fil-ġardinaġġ. Mhux biss dwar il-kultivazzjoni tal-pjanti, iżda dwar il-kultivazzjoni ta’ ħiliet, kunfidenza, u sens komunitarju. Dan il-proġett isarraf f’terapija għar-residenti u proġett li jgħaqqad il-komunità flimkien.”


