Is-Sibt filgħaxija, il-Pulizija mexxiet spezzjonijiet koordinati b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari u attività kummerċjali irregolari fil-Ħamrun. L-ispezzjonijiet saru fi spazji pubbliċi, ħwienet tas-servizzi u ħwienet tal-merċa. L-operazzjoni imbagħad kompliet f’diversi residenzi privati madwar il-pajjiż.
28 persuna li ġejjin mis-Sirja, Nepal, Mali, Ghana, Niġerja u Burkina Farso ġew arrestati f’din l-operazzjoni wara li nstabu jirrisjedu fil-pajjiż b’mod irregolari. Il-Pulizija, flimkien mal-awtoritajiet tax-xogħol u tat-taxxa, qed jinvestigaw ukoll il-ħwienet li fihom saru t-tfittxijiet b’rabta ma’ abbuż tal-liġijiet u r-regoli tax-xogħol jew tal-kummerċ.
Il-persuni kollha arrestati ser jinżammu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm ikunu ritornati lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu jew li jistgħu jirrisjedu fih.
Jassistu lill-Pulizija kien hemm ukoll uffiċjali mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u mit- taqsima tal-infurzar tal-Malta Tax and Customs Administration.
Din il-ħidma koordinata f’oqsma varji ser tissokta fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.