Wara ġimgħat ta’ ħidma koordinata mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni, tliet individwi li fl-aħħar xhur ġew arrestati wara li kisru l-liġi, tkeċċew minn pajjiżna fi tliet operazzjonijiet separati ta’ ritorn. Dawn il-persuni inżammu f’ċentru ta’ detenzjoni wara li skontaw sentenzi effettivi ta’ priġunerija wara li kienu nstabu ħatja li għexu ħajja ta’ vagabondaġġ u wara li bdew jittalbu b’mod aggressiv f’inħawi differenti tal-pajjiż.

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li dawn il-persuni kollha ntbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom fl-Afrika ta’ Fuq, fil-Punent tal-Afrika, u f’pajjiż fil-Lvant tal-Ewropa.
Din il-ħidma segwiet operazzjoni oħra ta’ infurzar f’Burmarrad li matulha ġew arrestati dsatax-il persuna minn fuq diversi karozzi tal-linja għax kienu fil-pajjiż b’mod irregolari.
Il-Pulizija se tibqa’ taħdem biex tkompli tidentifika, tarresta u tkeċċi persuni li ma jkunux legali fil-pajjiż.
Dan qed isir permezz ta’ ħidma sfieqa tal-Pulizija assistiti minn entitajiet oħra, fosthom l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni, Identità u Jobsplus.

