Monday, May 13, 2024

Jiġu diskussi żewġ mozzjonijiet waqt il-Parlament taż-Żgħażagħ

Aqra wkoll

Dalgħodu d-Deputat Speaker David Agius M.P. mexxa l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2023, imtella’ mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), flimkien mal-Parlament ta’ Malta. Permezz ta’ din l-attività ż-żgħażagħ flimkien jgħaddu minn esperjenza f’ħajjithom b’impenn li jtejbu l-qagħda soċjali, kulturali, ekonomika u politika f’pajjiżna u wkoll iħabirku biex dejjem jitjieb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi. F’demokrazija, din hi opportunità għaż-żgħażagħ biex huma jitgħallmu l-arti tal-persważjoni, li minkejja opinjonijiet u veduti diversi huma dejjem għandhom ifittxu li jikkonvinċu lil ħaddieħor fl-interess komuni u dak nazzjonali. B’hekk is-sehem fil-ħajja pubblika jkun wieħed mill-ifjen.

Id-Deputat Speaker saħaq fuq l-importanza li kull persuna impenjata fil-ħajja pubblika tagħraf u tapprezza s-sens ta’ dover tagħha lejn ħaddieħor u l-ġid komuni. “Mhux aktar jien, iżda aħna….. x’inhuma l-vera ħtiġijiet tagħna u ….ta’ kull wieħed u waħda minna.” Hawn hu spjega kif fis-soċjetà nsibu li bosta individwi waqgħu lura u li dawn il-persuni għandhom bżonn li jkunu mgħejuna. Matul iż-żmien, il-mexxejja politiċi Maltin u Għawdxin għarfu dan u ħadu u għadhom jieħdu għadd ta’ miżuri t’għajnuna, intiżi biex ikunu mgħejuna dawk l-individwi li tassew jeħtiġuha.

Hawn id-Deputat Speaker ħeġġeġ li f’ħidmiethom iż-żgħażagħ għandhom ikunu determinati u “…jiġġieldu għas-sewwa”, u kull darba li jsibu tfixkil “…tobdux, u komplu bil-ħidma [tagħkom] għas-sewwa b’aktar insistenza”, kif tkellem tant tajjeb din il-ġimgħa s-Sur Peppi Azzopardi. Hu fisser li min tassew iħobb il-politika jeħtieġ iħobb lill-proxxmu tiegħu, l-aktar liż-żgħir u l-batut fis-soċjetà, fosthom dawk iż-żgħażagħ li waqgħu vittmi tad-droga, u jaħseb kif bħala soċjetà nistgħu nfasslu aktar programmi ta’ prevenzjoni.

Id-Deputat Speaker fakkar li fil-kuntest ġeopolitiku li Malta hi msieħba fl-Unjoni Ewropea, iż-żgħażagħ għandhom jibqgħu jħabirku biex tissaħħaħ il-familja Ewropea f’kuntest internazzjonali li kontinwament qed jinbidel. Hu ħeġġeġ iż-żgħażagħ kollha biex juru l-interess u jagħtu s-sehem tagħhom f’diversi oqsma tal-ħajja.

Matul il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-parteċipanti ddiskutew żewġ mozzjonijiet: (a) Ir-Regolarizzazzjoni tal-Prostituzzjoni f’Malta u (b) Il-Libertà tal-Midja u l-Polarizzazzjoni Politika tal-Midja lokali.

Matul din l-edizzjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, taw ukoll is-sehem tagħhom Bernice Bonello, Chris Bonett, Darren Carabott, u Randolph Debattista.

1 kumment

  1. MUMN meta se tkeccu lill pawl pace.Ma hux den ghall MUMN li jkolla president bhal dan.Jekk mhux lesti li tkeccuh se taghmlu jew hemm ohrajn li ghamlu bhal pawl pace.Duzunur kbir ghall MUMN.Irrizenjaw kolla.

Comments are closed.

Sport