Monday, September 29, 2025

Jiġu ppreżentati r-riformi u l-investimenti ewlenin għas-sena li ġejja

Aqra wkoll

Il-Ministeru tal-Ġustizzja ta rendikont dwar ix-xogħol u l-proġetti mwettqa matul l-aħħar sena flimkien mal-inizjattivi li ġejjin, f’antiċipazzjoni għall-ftuħ tas-Sena Forensi nhar l-1 ta’ Ottubru.

Il-Ministru Dr Jonathan Attard beda biex jenfasizza li l-elenku ta’ xogħlijiet imwettqa, b’mod speċjali ċ-ċifri preżentati juru li l-Ministeru jibqa’ jagħti kas tar-rakkomandazzjonijiet tal-Prim Imħallef u jaħdem biex dawn jitwettqu permezz ta’ djalogu miftuħ u azzjoni konkreta. 

“Fl-aħħar tnax-il xahar biss ġew ippreżentati aktar minn abbozz fix-xahar quddiem il-Parlament, fosthom riformi ewlenin fil-qasam tal-ġustizzja”, sostna l-Ministru Attard filwaqt li tkellem dwar l-importanza li bħala Minsteru tkompli l-ħidma favur ġustizzja aktar effiċjenti u effettiva.

Fost ir-riformi maġġuri mwettqa nsibu:

  • Riforma fil-Qorti tad-Droga – aktar opportunitajiet ta’ riabilitazzjoni u proċeduri aktar effiċjenti.
  • Riforma fl-Inkjesti Maġisterjali – Ġie msaħħaħ il-proċess tal-ingaġġar u l-ispejjeż tal-esperti, drittijiet għall-vittmi u qrabathom, kif ukoll tisħiħ tal-proċedura. Dan kollu flimkien mal-ftuħ ta’ binja ġdida għall-Maġistrat Inkwerenti.
  • Qorti Kummerċjali – ħolqien ta’ qorti speċjalizzata b’appoġġ leġiżlattiv u infrastrutturali, inkluż binja ġdida fil-Belt Valletta.

Il-Ministru ħabbar ukoll li sal-aħħar tas-sena ser jiġu preżentati l-parlament żewġ riformi maġġuri oħra li huma r-Riforma fil-Qorti tal-Familja u Riforma fil-Kumpilazzjonijiet, bl-għan aħħari ta’ proċess ikun aktar spedit u effettiv.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, Dr Vanessa Grech, enfasizzat fuq il-progress amministrattiv. Illum l-Aġenzija għandha aktar minn 588 ħaddiem, l-ogħla numru fl-istorja, b’ftehim kollettiv diġà fis-seħħ u negozjati ġodda li bdew għall-kundizzjonijiet imsaħħin. Il-Ġudikatura qed tingħata wkoll l-appoġġ ta’ 44 Court Attorney u 53 Assistenti Ġudizzjarji, bi kważi 100 avukat jassistuha.

Dr Grech irrimarkat li r-Reġistri tal-Qorti pproċessaw għexieren ta’ eluf ta’ atti din is-sena kollha fi żmien stipulat. Filfatt minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena, ġew preżentati l-Qorti aktar minn 68,457 att fil-qrati superjuri u inferjuri, 15,718 fil-Qorti tal-Familja, 25,277 fir-reġistru tal-Qorti Kriminali kif ukoll 9581 fir-reġistru tal-qorti volontarja.

Filwaqt li servizzi ġodda bħall-Help Desk u l-helpline 153 ukoll diġà qegħdin iħallu l-frott. Fejn jidħol il-helpdesk, aktar minn 780 li marru personalment, daħlu aktar minn 2300 telefonata, mal-240 messaġġ fuq messenger u aktar minn 1,000 oħra fuq l-indirizz elettroniku tal-Aġenzija.

L-investiment infrastrutturali baqa’ prijorità ewlenija tal-Ministeru. Proġetti riċenti jinkludu awli ġodda, modernizzazzjoni ta’ reġistri, aktar spazji għall-medjazzjoni, binja ġdida għall-maġistrati inkwerenti, kif ukoll skatta x-xogħol fuq il-bini tal-Qorti tal-Appelli Kriminali fil-Belt Valletta, li ser tinkludi tliet awli moderni u faċilitajiet addizzjonali għall-ġudikatura, l-istaff u l-vittmi.

Il-Ministru Attard tenna wkoll li se jkunu qegħdin jitressqu riformi għat-tribunal tat-talbiet iż-żgħar, notifiki lill-banek u sistemi diġitali fir-rigward tat-testmenti sigrieti u t-talbiet għal eżenzjoni minn ġurat.

“Ir-riformi u l-investiment fil-ġustizzja huwa bla precedent b’numru rekord ta’ ġudikanti u ħaddiema. Permezz ta’ riformi u investiment sostanzjali, qed nibnu sistema moderna, effiċjenti u aċċessibbli li twieġeb għar-realtajiet tal-lum u tipprepara għall-isfidi ta’ għada”, temm il-Ministru Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport