Monday, May 13, 2024

Jiġu rilaxxati ħames barbaġanni frieħ fl-inħawi tal-Ġonna tal-Buskett

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) bi pjaċir ħabbret li ġew rilaxxati ħames barbaġanni frieħ fl-inħawi tal-Ġonna tal-Buskett.  

Dan kien il-pass li kien imiss mill-Proġett tal-FKNK: “Introduzzjoni mill-Ġdid tal-Barbaġann fil-Kampanja Maltija”, liema Proġett il-FKNK ġie mniedi fl-2017 u li hu bbażat biswit ir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett, liema razzett tal-Kavallieri ta’ Malta mis-sittax is-seklu ilhu amministrat ukoll mill-FKNK mill-2010.

Fi stqarrija, l-FKNK qalet li fil-11 ta’ Lulju ta’ din is-sena l-ewwel tlett ifrieħ tpoġġew f’dik li tissejjaħ “Hacking Box”, liema kaxxa fil-ħin opportun titħalla miftuħa minn fejn il-barbaġann ikun jista jitlaq il-barra.  Qalet li l-frieħ huma tnissil tal-par barbaġann li kienu ngħataw l-ismijiet Tyto u Alba (Tyto alba huwa l-isem xjentifiku tal-barbaġann).

L-FKNK żiedet tgħid li fil-21 t’Awwissu, f’okkażjoni taż-żjara li għamel it-tenur ta’ fama internazzjonali, Joseph Calleja, lill-proġett, il-“Hacking Box” infetħet u l-frieħ telqu.  Fil-bidu ta’ Settembru imbagħad tpoġġew żewġt ifrieħ oħra fil-“Hacking Box”, li nfetħet ftit tal-ġranet wara.  

L-FKNK qalet li fil-futur, u bl-għajnuna ta’ Joseph Calleja, hija beħsieba tintroduċi l-proġett bnadi oħra, anki urbani.   

Il-President tal-FKNK u l-amministratur prinċipali tal-Proġett, Lucas Micallef, qal: “Dan is-suċċess li ksibna bil-Proġett tal-Barbaġann, minkejja xi diffikultajiet u anki ntoppi li ġarrabna, huwa ta’ sodisfazzjoni kbir għalina, u jimlina b’kuraġġ biex inkomplu mexjin il-quddiem b’dan il-Proġett ta’ konservazzjoni u biodiversità tal-ambjent naturali, u li jappartjeni għall-poplu kollhu Malti u Għawdxi.”

Sport