Tuesday, December 24, 2024

Jikber it-tħassib dwar l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia

Il-President Tork u s-Segretarju Ġenerali tal-NU jżuru l-Ukrajna għal diskussjonijiet.

Aqra wkoll

Il-Ministru tad-Difiża Russu qal li l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia li jinsab fin-Nofsinhar tal-Ukrajna jista’ jingħalaq jekk il-forzi Ukreni jibqgħu jibbumbardjaw din iż-żona, allegazzjoni li l-Ukrajna dejjem ċaħdet. 

Fi stqarrija li ħareġ Igor Kirillov – li huwa l-uffiċjal Russu responsabbli mid-difiża tar-radjuattività, kimika u bijoloġija, qal li s-sistemi ta’ riserva ta’ dan l-impjant sofrew ħsarat kawża ta’ bumbardamenti. Kirillov wissa li jekk iseħħ inċident f’dan l-impjant, il-materjal radjuattiv jolqot saħansitra lill-Ġermanja, il-Polonja u s-Slovakkja. L-impjant ta’  Zaporizhzhia kien spiċċa taħt idejn il-forzi Russi f’Marzu li għadda, iżda xorta waħda għadu qiegħed jiġi operat mill-ħaddiema Ukreni.  

Intant fl-aħħar sigħat wasslu ġewwa l-Ukrajna l-President Tork Recep Tayyip Erdogan u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antònio Guterres għal diskussjoni­jiet mal-President Ukren Volodymyr Zelensky. Fiż-żjara tiegħu Erdogan mistenni li jkun qiegħed jiddiskuti s-sitwazzjoni dwar l-esportazzjoni tal-qamħ filwaqt li Guterres se jkun qiegħed jiddiskkuti is-sitwazzjoni instabbli ħafna tal-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia.  Zelenskyy ospità lil dawn it-tnejn ’il bogħod mill-fruntieri tal-gwerra sewwasew fil-belt ta’ Lviv fejn apparti l-punti msemmija iktar kmieni fuq l-aġenda hemm ukoll proposti dwar kif din il-gwerra tista’ tintemm. 

Ix-xahar li għadda t-Turkija u n-Nazzjonijiet Uniti kienu strumentali biex jintlaħaq ftehim ħalli xejn inqas minn 22 tunellata ta’ qamħ Ukren ikun jista’ jinħareġ mill-port ta’ Odesa, liema port kien imblukkat mir-Russi. Apparti hekk kienu tneħħew ukoll roadblocks Russi u b’hekk ammont ta’ ikel u fertilizzat setgħu jitqassmu lid-dinja. 

Din il-gwerra u l-imblokk tal-portijiet qed iwasslu biex il-prezz tal-ikel jiżdied sostanzjalment u dan hekk kif ir-Russja u anke l-Ukrajna huma l-esportaturi ewlenin.  Minkejja li fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda fl-ammont ta’ esportazzjoni ta’ qamħ, xorta waħda l-provvista għadha baxxa u dan qiegħed jaffettwa bil-kbir lill-iktar pajjiżi foqra madwar id-dinja tant li qiegħed joħloq riskju ta’ ġuħ kbir.

Ekonomija

Sport