Thursday, November 7, 2024

Jikber it-tħassib tal-Ġermaniżi dwar is-sanzjonijiet fuq ir-Russja

Aqra wkoll

Bosta huma dawk il-Ġermaniżi li qed juru t-tħassib tagħhom dwar il-pożizzjoni iebsa li pajjiżhom ħa rigward ir-Russja u dan hekk kif il-pajjiż – bħal ħafna pajjiżi oħrajn fl-Ewropa – qiegħed jesperjenza żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u nuqqas ta’ provvista ta’ gass li se tkun problematika fix-xhur xitwin. 

S’issa l-partiti ewlenin kollha Ġermaniżi qed jappoġġjaw is-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja wara li din tal-aħħar invadiet lill-Ukrajna, iżda fl-aħħar ġimgħat mexxejja konservattivi bdew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar l-istrateġija tal-Punent. Sondaġġ riċentri li sar ġewwa dan il-pajjiż wera li iktar minn żewġ terzi tal-poplu Ġermaniż jappoġġja s-sanzjonijiet iżda mbagħad nofs dawk intervistati jemmnu li s-sanzjonijiet iktar qed jagħmlu ħsara lill-Ġermanja milli lir-Russja. 

Madwar nofs id-djar Ġermaniżi jagħmlu użu minn gass biex isaħħnu djarhom, filwaqt li terz tal-industrija tal-pajjiż tuża l-gass biex topera. F’dawn l-aħħar snin, nofs il-gass użat ġewwa l-Ġermanja kien impurtat mir-Russja. 

Il-provvista tal-gass mir-­Rus­sja naqset drastikament fl-aħħar ġimgħat hekk kif Moska qalet li kienet qiegħda tagħmel tiswijiet, iżda Berlin qiegħda targumenta li r-Russja qiegħda tuża l-provvista tal-gass bħala arma. 

Sport