Thursday, December 26, 2024

Jikseb l-appoġġ għal riżoluzzjoni ewlenija dwar kif l-industrija tal-UE ssir adattata għall-era diġitali u ekoloġika

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew appoġġa riżoluzzjoni mmexxija minn Alex Agius Saliba, imfassla biex l-industrija tal-Unjoni Ewropea tkun adattata għal futur ekoloġiku u soċjalment ġust.

Il-MPE Agius Saliba spjega li għall-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi huwa ta’ importanza kbira li l-industrija Ewropea tkun lesta taħtaf l-opportunitajiet kollha offruti mit-tranżizzjoni diġitali li għaddejja bħalissa u għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Dan huwa essenzjali biex l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ twitti t-triq fuq livell globali, biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, u biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għall-Ewropej kollha.

Alex Agius Saliba, il-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għal Ewropa diġitali b’saħħitha, qal: “Huwa ferm importanti li titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika filwaqt li jibqgħu jiġu offruti impjiegi ta’ kwalità għolja fl-Ewropa. Nistennew aktar mill-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-familji li jaħdmu, l-ugwaljanza u l-ġustizzja ambjentali. Impjiegi ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u paga tajba, negozjar mat-trade unions u rispett għall-ftehimiet kollettivi, l-evitar tas-sensji, u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu parti mid-dimensjoni soċjali b’saħħitha fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku.”

Matul id-dibattitu li sar fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, il-MPE Laburista ddikjara li filwaqt li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku teħtieġ miżuri konkreti u definittivament aktar ambizzjoni. Agius Saliba qal li jistenna aktar mill-Ewropa, jekk tal-anqas mhux l-istess livell ta’ impenn bħal fl-IRA, f’dak li għandu x’jaqsam mal-familji li jaħdmu, l-ugwaljanza, u l-ġustizzja ambjentali. Huwa kkummenta wkoll: “Hija ħasra li l-Partit tal-Popolari Ewropew kien maqsum anke dwar il-protezzjoni ta’ dawn il-prinċipji fundamentali. Kienu maqsuma u vvutaw kontra l-protezzjoni tal-industriji tagħna, tal-ħaddiema tagħna, u tas-sostenibbiltà ambjentali tagħna.”

Fil-kummenti konklużivi tiegħu, il-MPE Alex Agius Saliba nnota li t-tisħiħ tal-industrija għandu jingħaqad mat-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali, inkluż it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Huwa żied jgħid li b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi soċjali, huwa kruċjali li jittejbu d-drittijiet tal-ħaddiema u jiġi żgurat li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn xbieki ta’ sikurezza u protezzjoni soċjali.

Ekonomija

Sport