“Dak li kellu jkun avveniment li jġib ferħ kbir għal koppja, t-twelid ta’ tarbija, sfortunatament indirettament ġab miegħu konsegwenzi kbar illi jistgħu mhux biss iħallu effett ħażin fuq il-missier u l-omm, iżda anke fuq l-istess tarbija.”
Sostna dan il-Maġistrat Victor Axiak f’sentenza li ta fejn sab ġuvni ta’ 19-il sena ħati li kiser il-kudizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li kien qagħad għal numru ta’ ġranet l-Isptar ħdejn is-sieħba tiegħu, li hija taħt l-età, peress li din kienet se titwelled, u meta dan kellu l-ordni biex ma jersaqx lejha.
Il-ġuvni kien oriġinarjament tressaq il-Qorti fuq diversi akkużi inkluż korruzzjoni ta’ minorenni u vjolenza kontra l-istess minorenni. F’Ġunju li għadda, l-Qorti kienet tatu l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet u kien ukoll projbit milli javviċina lill-minuri u lil ommha jew b’xi mod jikkuntattjahom.
Ġara illi fl-24 ta’ Lulju li għadda omm il-minuri kienet daħlet mat-tifla tagħha l-Isptar Mater Dei peress li din kienet waslet biex twelled. Dakinhar kien daħal ukoll l-imputat, b’ommha tiddeċiedi li tkun hi li toqgħod ma’ bintha waqt il-ħlas.
Sussegwentement minn dakinhar filgħaxija sas-27 ta’ Lulju huwa kien raqad mat-tifla fl-Isptar. Il-pjan kemm tal-imputat u kemm tal-minuri kien illi dawn itellgħu t-tarbija flimkien fil-post fejn jgħix l-imputat. F’dan l-istess post kienu diġa’ nxtraw u tpoġġew l-affarijiet neċessarji tat-trabi.
L-omm kienet imbagħad għamlet rapport l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra minħabba ksur tal-ordni ta’ protezzjoni min-naħa tal-ġuvni, u eventwalment kien reġa’ tressaq il-Qorti mixli bi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u mingħajr skuża raġjonevoli kiser xi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta fuqu.
F’dan il-każ, l-Qorti semgħet ix-xhieda tal-minuri permezz tal-video conferencing minn fejn irriżulta li kienet hi stess li xtaqet li l-imputat ikun preżenti ħdejha waqt u wara l-ħlas. Fuq kollox irriżulta wkoll li hija kienet ippjanat miegħu li jtellgħu l-wild tagħhom fil-post fejn huwa kien qed jirrisjedi.
Il-Maġistrat Victor Axiak, li sema’ l-każ, irrikonoxxa li l-Qorti għandha quddiemha każ fejn iċ-ċirkostanzi huma delikati pero’ jdejha huma marbutin fejn tidħol il-piena f’każ li jinstab ħtija.
Tenna li tabilħaqq iċ-ċirkostanzi tat-twelid tat-tarbija m’huma xejn tas-soltu. Ibda biex, qal il-Maġistrat Axiak, l-omm hija minorenni mentri l-missier, li huwa l-imputat, għandu dsatax il-sena. Iżjed minn hekk, l-imputat qiegħed taħt ordni stretta tal-Qorti li ma’ javviċinax lill-minorenni.
Il-Qorti qalet li kienet taf x’qiegħda tagħmel meta ftit inqas minn xahrejn ilu kienet rabtitu u pprojbietu milli jersaq lejn il-minuri u lejn ommha. Qalet li mill-provi li tressqu quddiemha jirriżulta li l-imputat kien jaf x’qiegħed jagħmel meta għal numru ta’ ġranet qagħad l-Isptar fil-preżenza tal-minuri.
“Kien jaf jew messu kien jaf illi b’dak li kien qiegħed jagħmel huwa kien se jikser il-kundizzjonijiet tad-digriet tal-ħelsien mill-arrest u l-Ordni ta’ Protezzjoni maħruġa mill-Qorti. Dawn il-kundizzjonijiet kienu gew spjegati lilu bi kliem ċar mill-Qorti stess u l-imputat kien jaf li anqas biss seta’ jersaq lejn l-istess minorenni aħseb u ara kemm joqgħod maġenba għal diversi ġranet.”
Apparti minn hekk, fil-Qorti rriżulta wkoll li anke waqt li huwa kien l-Isptar ħdejn il-minuri, kienet inġibditlu l-attenzjoni li huwa kien qed jikser ordni tal-Qorti.
L-istess Qorti enfasizzat li: “jekk l-imputat ħass li huwa kellu jkun preżenti għat-twelid tat-tarbija tiegħu (u jibqa’ mal-minorenni għal tlett ijiem ġewwa l-Isptar) huwa kellu jirrikorri għall-mezzi li ttih il-liġi sabiex jagħmel dan billi jitlob l-awtorizzazzjoni mill-Qorti u mhux jiddeċiedi minn rajh li jagħmel dak li din il-Qorti kienet wissietu biex ma’ jagħmilx, ftit inqas minn xahrejn qabel. Lanqas ma’ jista jingħad illi t-twelid tat-tarbija tiegħu kienet “skuża raġjonevoli” sabiex huwa jikser l-Ordni ta’ Protezzjoni u dan għaliex kif ingħad l-imputat kellu jirrikorri għal mezzi legali sabiex jipprova ikun preżenti għal dan l-avveniment.”
Il-Qorti żiedet tgħid li “minkejja dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali”, dan ma jfissirx li l-imputat mhuwiex ħati tal-aġir li wettaq. Mill-banda l-oħra qalet li ma tistax, fil-kuxjenza tagħha, tinfliġġi multa daqstant sporporzjonata li, iżjed iva milli le, tista’ tħalli riperkussjonijet konsiderevoli fuq il-minuri protetta mill-ordni tal-Qorti u anke fuq it-tarbija tagħha.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u filwaqt li mmultatu €40, ordnat il-konfiska tas-€6,000 stabbiliti fid-digriet tal-ħelsien mill-arrest u kif ukoll irrevokat il-ħelsien mill-arrest tal-imputat u ordnat li huwa jiġi arrestat mill-ġdid.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone.