Dawk li huma delettati tal-futbol u tal-logħob tal-kompjuter żgur li xi darba lagħbu jew semgħu bil-logħba Football Manager. Din hija logħba ta’ simulazzjoni fejn wieħed jieħu rwol ta’ kowċ ta’ tim u jmexxih għar-rebħ… sakemm ma jitkeċċiex.
Din il-logħba hija magħrufa li kapaċi żżomm lil dak li jkun sigħat twal bilqiegħda quddiem il-kompjuter, iżda issa hija uffiċjali li ħadd ma qatta’ ħin jilgħab din il-logħba daqs Pawel Sicinski.
Sicinski, li huwa mill-Polonja, daħal fil-Guiness World Records wara li lagħab il-logħba FM2018 għal 416-il staġun u 134 ġurnata.
Pawel, li fil-verità huwa kowċ ta’ tim tal-futbol tad-delettanti fil-Polonja, beda l-vjaġġ fuq din il-logħba fl-4 ta’ Jannar tal-2018. Huwa għadda xejn inqas minn 400 sena ta’ staġuni, fejn temm il-logħba mat-tim Żvediż ta’ Helsingborgs IF fit-18 ta’ Mejju 2434. Inkredibbli hu l-fatt li huwa qatta’ biss 260 ġurnata fuq vaganza, ħaġa li turi dedikazzjoni serjissa. Fuq din il-logħba meta tagħżel li “tmur vaganza” l-logħba tibqa’ għaddejja u tilgħab il-logħbiet li suppost kont mistenni li tikkowċja. Dan ir-rekord laqat l-għajn ukoll tal-kumpanija li tipproduċi l-logħba Football Manager fejn dawn ferħulu għad-dedikazzjoni tiegħu.
“Fil-karriera tiegħu” bħala kowċ fuq il-logħba huwa rebaħ total ta’ 1,258 tazza, skorja 58,900 gowl u lagħab 22,300 partita. Ir-rekord preċedenti kien f’idejn il-Ġermaniż Sepp Hedel li lagħab total ta’ 333 staġun.