Is-soltu nitkellmu fuq Jimmy id dar. Inkunu qegħdin nitkellmu fuq ir-raġel ta’ Miriamme. Ħabiba kbira tagħna u r-raġel tagħha għadnu qalb tad-deheb. Ta’ sikwiet naraw lil Jimmy id-dar. Daqqa ġej iġib borma bebbux li jkun għadu kif sajjar, darba oħra b’xi ftit larinġ frisk jew xi erba’ rumminiet li ma ssib bħalhom imkien. Milli jkollu dejjem iqassam u jferraħ lin-nies.
Allaħares jarak dieħel għand ix-Xufi għax iqum jiġri ħalli jħallaslek tè. Jimmy għadnu ħafna valuri tajbin u li kieku kelli niddedika dan l-artiklu għalih kont insib ħafna affarijiet ħelwin x’nirrakonta. Illum se niddedika dan l-artiklu b’mod speċjali għal persuna ohra b’qalb tad-deheb li għex b’mod eżemplari ħafna u ħassejt li għandi nagħmel dan il-kontribut biex infaħħru u nagħtih qima għax-xogħol kollu li għamel u għal eżempju sabiħ li ta b’ħajtu.
Carter
Jimmy Carter twieled fil-ewwel ta’ Ottubru tal-1924 u kien l-iktar president Amerikan li għex fit-tul. Huwa għex sa 100 sena u ħalliena fid 29 ta’ Diċembru 2024. Bħala president tad-Demokratici fil-Amerika huwa serva bejn is-snin tal-1977 u 1981, jiġifieri għamel term wieħed.
Il-Kostituzzjoni Amerikana tgħid li kull persuna tista’ tagħmel sa żewġ terms elettorali wara xulxin. Tajjeb li ngħidu wkoll li meta ssir l-elezzjoni ġewwa l-Amerika hija fissa u kull term huwa ta’ erba’ snin. Jiġifieri kull persuna tista’ tagħmel tmien snin president tal-Istati uniti. Dan filwaqt li Malta kull term elettorali huwa ta’ ħames snin. Għaldaqstant, fl-Amerika huwa inqas b’sena.
Aħna wkoll hija fid-deskrizzjoni tal-Prim Ministru meta jsejjaħ elezzjoni. Allura, ġieli, kellna Prim Ministri li sejħu elezzjonijiet mar-raba’ sena u ma joqogħdux jistennew il-ħames snin li jgħaddu. L-Amerikani għandhom sistema differenti minn tagħna u ta’ dawn tissejjaħ kull erba’.
Carter kien rebaħ lir-Repubblikan Gerald R Forf Jr li kien serva bħala t-38 President tal-Amerika u tilef it-term ta’ wara mal-attur ferm popolari, ir-Repubblikan Ronald Wilson Reagan li kien allura serva bħala l-40 president Amerikan. Carter kellu storja twila ta’ servizz lejn il-poplu Amerikan. Kien serva bħala s-76 gvernatur ta’ Georgia bejn l-1971 u l-1975 u kien senatur fl-istat ta Georgia bejn il-elf disa mija u tlieta u sittin u l-elf disa mijja u seba u sittin. Carter kien studja fil-Akkademja Navali tal-Istati Uniti.
Għex u trabba’ ġewwa l-Istat ta’ Georgia ġewwa Plains eżatt u kien miżżewweġ lil Rosalynn Smith li tista’ tgħid kienu dejjem flimkien tul ħajjithom kollha. Wara li serva fil-militar u allura d-dmir tiegħu lejn pajjiżu kien għamlu, huwa rritorna d-dar fejn hemm ħa ħsieb in-negozju tal-familja li kien li jħobbu u jikkultivaw il-karawett.
Carter kien pijunier fil-moviment għad-drittijiet ċivili li f’żgħożitu kien beda jimbet sew. Dan il-moviment kien li fetaħlu t-triq biex l-attiviżmu tiegħu jikkonċentrah ġewwa l-Partit Demokratiku Amerikan. Fejn il-pass li jmiss kien li jikkontesta għal senatur tal-istat u wara gvernatur ta’ Georgia.
Wara kkontesta għall-Presidenza Amerikana. Fil-bidu ftit li xejn kienu jafu dwaru u minn kien Jimmy Carter barra mill-istat ta’ Giorgia. Wara li rebaħ il-hatra bħala kandidat presidenzjali f’isem il-Partit Demokratiku huwa ħatar lil Walter Mondale bħala l-persuna li tkun il-viċi tiegħu u marru għal elezzjoni kontra Gerald Ford u Bob Dole.
Fit-term Presidenzjali tiegħu għamel lista ma tispiċċa qatt ta’ riformi kbar li l-poplu Amerikan gawda sewwa minnhom. Ix xoghol beda mill-ewwel ġurnata tal-ħatra tiegħu u kompla għaddej anke wara li spiċċa minn President. Fosthom waqqaf iċ-ċentru Carter biex ikabbar l-għarfien u jsaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem mhux biss fil-Amerika, imma madwar id-dinja kollha.
Dan ix-xogħol kbir li tant kien hemm bżonnu wasslu biex ingħata gieħ internazzjonali fis-sena elfejn u tnejn fejn hemm ġie onorat bil-Premju Nobel tal-Paċi. Ġera madwar id-dinja b’mod kontinwu biex jippromovi l-paċi u kemm jista’ jkun is-soluzzjonijiet jinstabu madwar il-mejda mhux permezz tal-armi u l-azzarini.
Ħadem kemm felaħ biex saħħaħ id-demokrazija f’diversi stati u pajjiżi anke kien imur jara li l-elezzjonijiet jimxu b’mod demokratiku. Huwa kiteb ħafna artikli u kotba fuq dawn is-suġġetti u ħadem biex anke jitnaqqas it-tixtri ta’ mard infettat. Żewġ kotba tiegħu huma dwar il-kunflitt bejn il-Lhud u l-Palestinjani.
Dan kollu jista’ jimpressjonak imma ngħid il-verità ma kienx dan li ġiegħlni nikteb biex insellem lil dan il-persunaġġ importanti u li ta kontribut fl-Istorja tad-dinja speċjalment dik Amerikana.
Il-ħabib tiegħi Raymond Tabone li huwa wkoll eks sindku ta’ San Pawl il-Baħar, il-persuna li dejjem kien hemm tul ħajti kollha. Kemm ilni attiv fil-Partit Laburista jiġifieri minn mindu kelli 13-il sena sal-lum li għandi 57 sena, qegħdin ngħidu relazzjoni ta’ 44 sena ma’ dan il-persuna li kbirna flimkien u dejjem ħdimna għal għan wieħed. Bagħtli ftit informazzjoni fuq is-Sur Carter li meta tfittex ma tantx issibha malajr.
Mela din l-informazzjoni tgħid li minkejja li dan kien il-president tal-Amerika minkejja li dejjem ħadem kien iddikjarat bħala l-iktar president fqir li qatt kellha l-Amerika. Kien jgħix ġo dar sempliċi li kellha bżonn ħafna manutenzjoni u fejn il-Presidenti l-oħrajn kollha kienu jgħixu ġo villa kbira huwa kien jgħħix ġo dar żgħira.
Ħafna drabi kont tarah joqgħod fil-kju wara minn jmissu biex jixtri jew jinqeda minn xi servizz, xi ħaġa li fakkritni fil-mibki Dott. Karmenu Mifsud Bonnici u l-umiltà kbira li kellu dan ir-raġel li bla dubju ta’ xejn jistħoqqilha kull tifħir. Carter kien jixtri ħafna prodotti u affarijiet li jkunu bid-discount ġo xi super market, xi ħaġa rari jekk mhux impossibbli li tara lil xi ħadd li kien President tal-Amerika li jagħmel.
L-għamara li kellha d-dar sempliċi tiegħu kienet antika u li ħafna minnha kienet għadha minn tal-ġenituri tiegħu u tal-ġenituri ta’ omm il-mara. Minħabba dan il-fatt, kien ikollu bżonn ħafna tiswijiet ta’ spiss. L-uniku dħul li kellu kienet il-pensjoni li kellu ta’ president.
Meta kien isiefer qatt ma uża ajruplani privati imma kien juża ‘economic class’, anke fl-anzjanità tiegħu. Dejjem qagħad fil-kju biex jieħu wara dak li kien imissu. Kien isuq karozza li kien xtarha second hand li kellha ‘l fuq minn 25 sena u l-flus kollha li kien jibqagħlu kienu jmorru fiċ-ċentru Carter fejn b’dak li kien tefa’ hu, flimkien ma’ oħrajn, nefqu 30 miljun biex iġġieldu mard ikkawżat mix-xmajjar u l-ħniex li kienu jgħixu ġo żaqq it-tfal foqra.
Kien jibni djar għall-foqra u ħaddiema li kellhom dħul baxx. Huwa kien jipparteċipa fil-bini ta’ dawn il-proġetti b’mod attiv. Kull donazzjoni li kien jaqla’ mil-lezzjonijiet li kien jagħti kienu jmorru għall-karità. Din is-somma tlaħħaq għal miljuni ta’ dollari. Dan il-persunaġġ li ta ħajtu għall-oħrajn miet fid-dar tiegħu ġewwa Giorgia fl-erba’ neqsin kwart ta’ 29 ta’ Diċembru li għadda.
U minħabba dawn l-affarijiet li għamel u li semmejt fl-aħħar biċċa tal-artiklu tiegħi, ħassejt li għandi nagħti tribut lil din il-persuna li ddedika ħajtu biex jgħin lill-oħrajn.