Thursday, November 7, 2024

“Jimpressjonawk it-tfal refuġjati li qed jivvjaġġaw waħidhom”

Aqra wkoll

Quddiem il-kriżi kbira ta’ refuġjati li mill-Ukrajna qed jaqsmu lejn il-Polonja u anke lejn ir-Rumanija, kemm fuq naħa u kemm fuq oħra hemm interessi Maltin jgħinu lil dawn ir-refuġjati. Fuq in-naħa tar-Rumanija hemm l-SOS Malta u anke l-lukandier Ronnie Agius li qegħdin jgħinu lir-refuġjati, waqt li fuq in-naħa tal-Polonja hemm għaqdiet mhux-governattivi bħall-Fundacja Żmieniamy Życie, li magħhom hemm jgħinu barranin li jgħixu f’Malta u anke persuni Maltin. Sielicki Wojciech, Awstrijakk li jgħix Malta u li kien għamel żmien jgħix il-Polonja, hu magħruf sew f’Malta u qed jgħin qatigħ lil din l-għaqda mhux-governattiva f’assistenza lir-refuġjati. Marc Pace Portanier, żagħżugħ Malti, kien fil-Polonja fl-aħħar jiem jassisti lil dawn ir-refuġjati u hu mistenni li jerġa’ jkun hemm fi ftit jiem oħra. Din l-organizazzjoni umanitarja, qed tiġi megħjuna b’mod qawwi minn barranin li jgħixu f’pajjiżna.

Xogħol dawn il-voluntieri mhux wieħed faċli u dan għax apparti għajnuna materjali, huma qegħdin jassistu billi jġorru r-refuġjati mill-fruntiera lejn ċentru li jinsab madwar sagħtejn bogħod bil-karozza.  Din l-għaqda mhux-governattiva sa issa diġà ġabret xejn inqas minn €80,000 biex tassisti lil dawn ir-refuġjati. 

Fi kliem il-voluntieri stess ta’ Fundacja Żmieniamy Życie, li qegħdin jassistu lir-refuġjati, l-aktar li jolqothom hu l-ammont ta’ tfal li qed jivvjaġġaw waħidhom. Tfal ta’ bejn 13 u 16-il sena. Tfal li d-dokumenti tagħhom b’mod partikolari il-parti li trid tindika fejn iridu jmorru, ħafna drabi tkun vojta.  L-organizazzjoni Fundacja Żmieniamy Życie permezz tal-voluntieri tagħha daħlet ukoll fl-Ukrajna stess fejn għenet refuġjati li kienu għadhom hemmhekk. Fundacja Żmieniamy Życie, ilha tassisti lir-refuġjati għal dawn l-aħħar ġimagħtejn.

Nitkellmu ma’ Marc Pace Portanier, li kien wieħed minn dawk li kien qed jassisti u jgħin fil-ħidma b’rabta mar-refuġjati. 

Jgħidilna li “Kif faqqa’ l-kunfitt, Sielicki Wojciech, kien qabad u mill-ewwel tela’ l-Polonja. Bdew jassistu lir-refuġjati li kienu sejrin mal-fruntiera. Fil-bidu bdew b’karozza waħda. Parti mill-ħidma ta’  Fundacja Żmieniamy Życie u l-voluntiera kienet tikkonsisti billi jmorru qrib il-fruntiera mal-Ukrajna fejn ikun hemm ir-refuġjati qegħdin jirreġistraw u minn hemm imbagħad ikollhom jittieħdu lejn ċentru għar-refuġjati. F’dan iċ-ċentru jagħmlu lejl jew tnejn. Jingħataw l-assistenza kollha li jkun hemm bżonn. Minn hemm imbagħad imorru lejn destinazzjoni oħra”.

Marc enfasizza li “Din l-organizazzjoni bdiet ukoll tiġbor id-donazzjonijiet, mediċini, ikel u kutri fost oħrajn. Il-ħidma kienet ma taqta’ xejn. Tant bdew jaqsmu nies li f’temp ta’ jumejn ikkonvertew binja  f’xelter għal tfal mhux akkumpanjati li kienu qegħdin jagħmlu l-vjaġġ. It-tfal li qed jivvjaġġaw waħidhom jolqtuk mill-ewwel.  Darba minnhom ħadt erbat ibniet u ġuvni li kellhom bejn 13 u 16-il sena. Il-bniet kienu minn Donetsk u dawn kienu vvjaġġaw lejn Kyiv. Ivvjaġġaw waħidhom għax ommijiethom jaħdmu l-isptar u ma setgħux jitilqu.”

Jisħaq li “Mill-fruntiera saċ-ċentru hemm bejn sagħtejn u sagħtejn u nofs sewqan, skont liema triq tieħu. Minkejja din id-distanza, il-voluntieri kapaċi jagħmlu tliet vjaġġi kuljum.”

Nistaqsuh liema kienet dik l-esperjenza l-aktar li laqtitu fil-ħidma ma’ dawn ir-refuġjati. Jgħidilna li “Kien hemm il-każ ta’ omm u tifla, li lit-tifla riedet tniżżilha Napli, u mbagħad kellha tmur lura l-Ukrajna biex tieħu ħsieb lil ommha u lil missierha. Kien hemm każ fejn nanna kienet qed tivvjaġġa b’tarbija ta’ sena. Hi sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb. Kull każ ir-refuġjati ikollhom destinazzjoni finali. It-tfal mhux akkumpanjati ma jkollhomx – dik il-kaxxa tkun vojta. Dawn jidħlu bil-passaport. Ħafna jkollhom biss iċ-ċertifikat tat-twelid. Kif jaslu fil-fruntiera huma jimlew dokumenti b’dettalji minn fejn ġew u kemm għandhom żmien, kemm għandhom nies magħhom, fejn iridu jmorru u jekk jafux lil xi ħadd fil-Polonja.

Issorprendietni dik li ma jkunux iridu għajnuna… jgħidulek tiha lil ħaddieħor

Marc jgħidilna li “Xi ħaġa li ssorprendietni kienet dik li meta ttihom xi ħaġa tal-flus, jgħidulek agħti lil ħaddieħor. Din kienet xi ħaġa li ħallietni bla kliem. Qed jaħarbu u l-għajnuna jgħidulek tiha lil ħaddieħor u dan meta taf li għandhom bżonn għax dawn ħarbu u ħallew kollox warajhom. Din turi valur”, temm jgħidilna Marc. 

Sport