Friday, January 17, 2025

Jimxi 48 kilometru, jieqaf fi 48 sit storiku f’10 sigħat f’għeluq it-48 sena tiegħu

Aqra wkoll

Conrad Neil Gatt hu bniedem magħruf fil-qasam tal-media soċjali minħabba li jagħmel ħafna kontenut online. L-għors tiegħu joħloq videos fuq l-istorja ta’ Malta mhux biss dik magħrufa iżda wkoll dik li ma tantx tissemma’. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi Ta’ Boxbox Shelter fl-Imsida, iċ-Ċisterna della Quarantena fil-Belt Valletta u s-Santa Margherita Lines f’Bormla.

Fil-jiem li ġejjin, Gatt se jkun qed jagħlaq 48 sena eżattament fid-29 ta’ Jannar li ġej. Hu ppjana li jagħmel xi ħaġa speċjali hekk kif se jkun qed jimxi 48 kilometru u jieqaf fi 48 sit storiku f’10 sigħat, xi ħaġa li hi rari iżda li se ssir realtà. L-għan tiegħu hu li jqajjem kuxjenza fuq l-istorja tant sinjura li għandu pajjiżna.

Kollox se jibda fl-għaxra ta’ filgħodu f’Birkirkara u jispiċċa ż- Żurrieq fit-tmienja ta’ filgħaxija.

F’kull rotta li se jieqaf, Gatt se jkun qed jispjega dwar kull sit filwaqt li jagħti deskrizzjoni minn barra u minn ġewwa dwar x’hemm eżatt. Hu se jieħu din l-avventura mhux biss mil-lat storiku iżda anke fiżiku minħabba li se jkun qed jagħmel ħafna eżerċizzju biex jasal fejn jixtieq.

Dan is-sit tkellem ma’ dan l-esplotatur li tana aktar informazzjoni dwar x’qed nistennew minn din l-attivita’ interessanti li se jagħmel.

“Jiena se jkolli għeluq snini fid-29 ta’ Jannar u xtaqt li flok nirċievi xi ħaġa jiena, aktar nagħti xi ħaġa lill-pubbliku u, aktar u aktar, lill-wirt kulturali ta’ pajjiżna, xi ħaġa li jaffaxxinani ħafna.” 

Hu jgħid li permezz tal-midja soċjali, iqajjem ħafna kuxjenza dwar il-wirt kulturali li għandna madwar Malta u kemm hu importanti li nieħdu ħsiebu.

“L-idea hi li matul il-mixja kull meta ngħaddu minn post ta’ wirt kulturali li huma mmarkati fuq il-mappa tagħna se nkunu qed nagħtu informazzjoni dwar is-sit partikolari kif ukoll nehmżu ħolqa fuq il-pjattaformi ta’ TikTok jew YouTube meta aħna diġà wrejna dan il-post minn ġewwa.”

Gatt għandu wkoll idea oħra li mistennija toħroġ minn din il-mixja. Hu jgħid li jixtieq jagħmel l-ewwel rekord ta’ mixi f’ħin qasir waqt li jkun qed iżur il-wirt kulturali Malti. S’issa għad mhemmx dan ir-rekord u hu se jipprova jaħdem għalih.” 

Gatt qed jistieden lill-iskejjel biex jingħaqdu f’din l-attivita’ sabiex ikun hemm dak is-sapport meħtieġ li tant għandu bżonn. 

“Qed nipprova nistieden lill-iskejjel biex min irid jingħaqad jorganizzaw ħarġa għat-tfal f’wieħed minn dawn il-postijiet kulturali li aħna żorna, li fih m’hemm l-ebda tip ta’ periklu u jistgħu jmorru t-tfal u meta nkun għaddej it-tfal ikunu jistgħu jaraw kemm din l-attività għandha skop nobbli ħafna.

Tajjeb wieħed jgħid li din il-mixja se tkun tixxandar fuq il-paġna ta’ Conrad Neil Gatt bl-isem ta’ CNG Trekventures, biex b’hekk il-pubbliku jkun jista’ jsegwi u jieħu sehem f’din l-inizjattiva jekk mhux b’mod fiżiku għallinqas b’mod virtwali filwaqt li min irid jista’ juża l-hashtag listorjatkompli u jkompli jagħti sehmu sabiex nissalvagwardjaw l-istorja tant rikka ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport