Friday, December 13, 2024

Jinbeda l-proċess biex titfassal politika dwar il-litteriżmu fil-qasam tal-midja

Aqra wkoll

Waqt konferenza dwar il-valur tal-komunikazzjoni fis-soċjetà tal-lum imtella’ mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim  Ministru b’kollaborazzjoni mal-Bord għal-Litteriżmu tal-Midja, ġie ppreżentat studju dwar il-midja f’Malta. 

L-għan tal-konferenza huwa li jinbeda proċess miftuħ mill-Bord għal-Litteriżmu tal-Midja biex titfassal politika  dwar il-litteriżmu medjatiku.  

Mill-istudju li sar minn Dott. Vince Marmarà, u li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, ħarġu  statistiċi importanti mill-perċezzjonijiet tal-poplu Malti, li jittrattaw il-midja f’pajjiżna. Dan l-istħarriġ xjentifiku  ffoka wkoll fuq ix-xandir pubbliku, li minnu ħareġ li x-xandir pubbliku huwa aktar mid-doppju newtrali għall Maltin u l-Għawdxin, mill-midja kollha fil-pajjiż. Infatti, 48.4% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ jemmnu li x-xandir  pubbliku huwa newtrali, filwaqt li 21.6% qalu li l-midja indipendenti hija oġġettiva u newtrali. 

Din il-konferenza serviet ta’ opportunità biex ikun diskuss u jikber l-għarfien dwar il-midja, kemm dik tradizzjonali, kif ukoll il-midja soċjali, fil-kuntest tas-soċjetà Maltija tal-lum. Il-konferenza kienet maqsuma fi  tliet partijiet: fl-ewwel parti, li ffukat fuq il-valur tal-etika fil-komunikazzjoni, tkellmu s-Sur Aleks Farrugia, is Sur George Cini, is-Sur Frans Ghirxi u s-Sur Peppi Azzopardi; fit-tieni parti, li ffukat fuq l-aspett teknoloġiku  tal-komunikazzjoni, tkellmu Dott. Patrick Camilleri, l-Inġ. Charles Dalli, is-Sur Martin Debattista u s-Sur  Herman Grech; fit-tielet parti, li ffukat fuq l-aspett soċjoloġiku fil-komunikazzjoni, tkellmu Dott. Norbert Bugeja,  Dott. Joanna Spiteri, Dott. Michael Briguglio u Rev. Prof. Saviour Chircop.  

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li segwa b’attenzjoni il-kummenti tal-kelliema, fid diskors tiegħu qal li din il-konferenza tat xhieda tas-sabiħ ta’ demokrazija li tiffunzjona, għax laqqgħatna ma’  firxa ta’ fehmiet u ideat differenti il-valur tal-komunikazzjoni fis-soċjetà tagħna. 

B’referenza għall-Bord għal-Litteriżmu tal-Midja, il-Ministru Abela qal li għax dan il-gvern jemmen bis-sħiħ fil libertà tal-espressjoni, emmen fl-importanza li jitwaqqaf dan il-bord, magħmul minn nies b’perspettivi differenti  u bl-esperjenza minn diversi aspetti fil-midja. 

Il-ministru saħaq dwar l-importanza li nkunu litterati fil-midja. Huwa qal li, “Irridu niżguraw li jkollna l-għodda  meħtieġa biex inkunu nistgħu ngħixu f’ambjent fejn il-midja tintuża biex nikkomunikaw bl-aħjar mod, filwaqt li  nkunu kapaċi nilqgħu għall-abbuż, għad-diżinformazzjoni, u għall-aħbarijiet foloz.” 

Bħala ministru li huwa wkoll responsabbli mix-xandir nazzjonali, huwa qal li l-gvern se jibqa’ jagħti lix-xandir  pubbliku l-mezzi kollha li għandu bżonn biex ikompli jwassal servizz dejjem aħjar.

Ekonomija

Sport