Sewwieq ta’ mutur ndarab serjament wara li aktar kmieni għall-ħabta tas-2:00 a.m kien involut f’inċident li seħħ fi Triq ir-Rabat, iż-Żebbuġ Għawdex.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 38 sena residenti ż-Żebbuġ, sofra xi ġrieħi meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-mutur Kymco li kien qiegħed isuq u ħabat ma’ arblu.
Huwa ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura neċessarja.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.