Raġel indarab wara li lbieraħ għall-ħabta tas-6:15 p.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Dun Karm fl-Iklin.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li, trakk tal-għamla DAF FAD CF85, li kien misjuq minn Filippin ta’ 43 sena residenti Ħ’Attard, laqat raġel Indjan ta’ 31 sena li joqgħod l-Iklin.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku kienu msejħa fuq il-post sabiex jassistu lir-raġel. Huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L- investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.